Join Us On:

News Archive

TITTELLA’ B’SUĊĊESS L-EWWEL EDIZZJONI TA’ KANTAMAGĦNA

Nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru ttellgħet b’suċċess l-ewwel edizzjoni tal-festival “Kantamagħna” organizzat minn DCapitals Big Band ġewwa t-Teatru Astra. Quddiem attendenza ferm numeruża, 24 finalist maqsuma fi tliet kategoriji kantaw akkumpanjati mill-band Għawdxija DCapitals taħt id-direzzjoni tas-surmast George Apap. Il-kantanti kellhom bejn id-9 u l-25 sena.

Il-ġurija li kienet iffurmata mis-Sinjura Antonella Vassallo, is-Sinjura Evelina Batey u s-Sinjura Mariella Spiteri Cefai vvutaw u għażlu r-rebbieħa ta’ kull kategorija u anke r-rebbieħ ‘overall’. Il-mużiċisti ta’ DCapitals Big Band kellhom f’idejhom l-għażla għar-rebbieħ ta’ Distinct Talent Award (Premju sponsored minn Distinct Homes Ltd). Ir-rebbieħa kollha kienu dawn:

Distinct Talent Award: Benjamin Attard

Runner Up Kategorija A (9-12-il sena): Benjamin Attard

Rebbieħa Kategorija A: Faith Bondin

Runner Up Kategorija B (13-16-il sena): Elisa Andrea Muscat

Rebbieħ Kategorija B: Nathaniel Attard

Runner Up Kategorija Ċ (17-25 sena): Paolo Micallef

Rebbieħa Kategorija Ċ: Sarah Micallef Muscat

REBBIEĦ OVERALL: NATHANIEL ATTARD

Il-parteċipanti kollha ġew mogħtija tifkira, filwaqt li r-rebbieħa ngħataw trofew. Ir-rebbieħ tal-festival Nathaniel Attard minbarra li ġie ppreżentat bi trofew mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Dr Justyne Caruana, ingħata kuntratt ta’ sena ma’ DCapitals Big Band. Il-festival ġie ppreżentat mis-Sur Joe Tanti u s-Sinjura Miriam Debono Curmi.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru għal Għawdex faħħret din l-inizjattiva minn DCapitals u ddeskriviet dan il-festival bħala festival uniku – festival li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex – dan minħabba l-fatt li f’dan il-festival il-kantanti kellhom akkumpanjament live minn band magħmula b’aktar minn ħmistax-il element. Id-direttur tal-Band, Mro George Apap, qal li l-għan ta’ dan il-festival huwa proprju dan – li tingħata opportunità lil kantanti tfal u żgħażagħ li jitħarrġu u jkantaw b’akkumpanjament live f’wieħed mit-teatri ewlenin ta’ gżiritna.

DCapitals Big Band jirringrazzjaw lill-Ministeru għal Għawdex u lil Distinct Homes għas-sapport finanzjarju tagħhom, kif ukoll lis-Soċjetà Filarmonika La Stella u t-Teatru Astra li għoġobhom jospitaw din l-ewwel edizzjoni tal-festival ‘Kantamagħna’.

 

Ritratti: Joe Attard