TISLIMA XIERQA LIS-SURMAST JOSEPH VELLA
Il-bieraħ, 3 ta’ Marzu 2018 ingħatat l-aħħar tislima lis-Surmast Joseph Vella, bin il-Belt Victoria, kompożitur u direttur tal-Banda Ċittadina La Stella għal dawn l-aħħar 48 sena.
Il-korteo funebri beda fis-2pm minn Triq ir-Repubblika bis-sehem tal-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat Malta, fejn huwa wkoll kien direttur tal-banda għal ħafna snin, u naturalment tal-Banda Ċittadina La Stella. Matul il-koreto indaqqu marċi funebri miktuba mill-Prof. Joseph Vella, fosthom l-aħħar marċ funebru li kiteb “Lil Nenu Tagħna”, miktub ftit tax-xhur ilu fl-okkażjoni tat-telfa ta’ membru ieħor tal-Banda La Stella, is-Sur Carmelo Grech. Il-Banda Konti Ruggieru, immexxija mill-membri tal-kumitat u s-surmast direttur attwali, imxew quddiem fil-korteo, segwiti mill-Banda Ċittadina La Stella u l-kumitat tagħha rappreżentat bid-diversi oqsma u għaqdiet fi ħdan is-Soċjetà. Dritt wara Mons. Ġuzeppi Farrugia mexa fil-korteo flimkien ma’ membri tal-kleru u l-familjari tas-Surmast Vella.
Matul il-korteo ħadu sehem ukoll rappreżentazzjonijiet ta’ ħafna istituzzjonijiet li magħhom kellu rabta is-Surmast Vella, fosthom il-ħafna fergħat tal-parroċċa. Kien hemm rappreżentanti wkoll tas-Soċjetajiet u Baned Filarmoniċi Għawdxin kif ukoll xi wħud li ġew apposta minn Malta.
Mal-wasla fi Pjazza San Ġorġ il-baned sabu posthom waħda fuq ix-xellug u l-oħra fuq il-lemin biex taw salut permezz ta’ aktar marċi funebri lis-Surmast huwa u dieħel fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fejn sab jilqa’ l-fdalijiet tas-Surmast u l-korteo l-Arċipriet Mons. Joseph Curmi. Il-quddiesa tmexxiet mill-Isqof Mario Grech, assistit minn numru kbir ta’ saċerdoti. Fi tmiem il-funzjoni Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritus u direttur spiritwali tal-Banda Ċittadina La Stella, għamel orazzjoni funebri fejn semma b’mod partikolari l-ħidmiet u s-suċċessi tal-Professur Joseph Vella, inklużi dawk marbuta mas-Soċjetà Filarmonika La Stella u t-Teatru Astra.
Hekk kif intemmet il-funzjoni fil-Bażilika, iż-żewġ baned daqqew flimkien il-marċ funebru In Memoriam Ganni Galea, kapulavur li ħareġ mill-pinna tas-Surmast Vella. Dritt wara, il-Banda Ċittadina La Stella daqqet l-innu “Dejjem f’Qalbna”, wieħed mill-isbaħ kompożizzjonijiet tas-Surmast Vella, fost xena kommoventi, fejn il-fdalijiet tas-Surmast Vella intrefgħu mill-partitarji żgħażagħ tagħna, fost ċapċip.
Is-Surmast ħalliena, imma jibqa’ f’qalbna għal dejjem u jibqa ħaj bil-mużika tiegħu.
Fil-jiem li ġejjin se joħroġ ukoll ic-CD tal-marċi funebri 2018 tal-Banda Ċittadina La Stella, liema CD iddirieġa s-Surmast Vella stess nhar il-Ħadd li għadda waqt il-recording. Kif kien xieraq ic-CD se jkun iddedikat lill-Professur Joseph Vella, li kella tkun l-aħħar biċċa xogħol tiegħu.
(Ir-ritratti f’ dan l-ewwel album huma kollha ta’ Joseph Zammit. Aktar ritratti tas-Sur Zammit jinsabut f’din il-link tal-Facebook page tiegħu)
(Album sabiħ ieħor bir-ritratti ta’ Joe Attard)
(Album sabiħ ieħor bir-ritratti ta’ Carmelo Cremona)