TISLIMA LILL-PROF. GUIDO DE MARCO
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tixtieq tingħaqad mal-poplu Malti kollu biex issellem lill-President Emeritus tar-Repubblika ta’ Malta: il-Professur Guido De Marco li miet il-bieraħ 12 ta’ Awwissu.
Il-Prof. Guido De Marco huwa figura importanti fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna u fil-pożizzjonijiet li okkupa speċjalment fil-kwalità ta’ President tar-Repubblika dejjem kien preżenti fl-aktar avvenimenti kulturali importanti li organizzat is-Soċjetà La Stella b’mod speċjali fl-opra lirika u Festival Mediterranea. Il-Prof. Guido De Marco dejjem kellu apprezzament kbir u ammirazzjoni lejn il-kapaċitajiet artistiċi u organizzattivi fi ħdan is-Soċjetà La Stella.
Kien ukoll l-istess President li beda t-tradizzjoni li l-ikona presidenzjali Russa ta’ San Ġorġ li tinsab fil-palazz tal-president tinġieb kull sena għall-festi ta’ San Ġorġ Martri, fil-bażilika ta’ beltna. Din it-tradizzjoni għadha tinżamm sal-lum.
Is-Soċjetà La Stella, flimkien mal-poplu Malti ser tgħix il-luttu nazzjonali li ġie ddikjarat għal dawn il-jiem mill-istat Malti u għalhekk f’dawn il-ġranet ta’ sogħba kbira, il-bandiera tas-Soċjetà qed tperper mezz’asta.