TISLIMA LILL-ISQOF NIKOL Ġ. CAUCHI
Għall-ħabta tas-6.10am tal-lum, it-Tnejn 15 ta’ Novembru 2010, fl-Isptar Mater Dei, fl-età ta’ 81 sena, ħalliena l-Isqof emeritu ta’ Għawdex l-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, wara ġimgħat rikoverat għal kura intensiva fl-istess sptar.
Il-mewt ta’ Mons. Cauchi hi telfa għall-pajjiż kollu, li fih kien jaf missier ħanin u mgħallem għaref. Tul is-snin ta’ l-episkopat tiegħu, speċjalment iż-żmien li għamel fit-tmun tad-djoċesi ta’ Għawdex, jiġifieri bejn l-1972 u l-2006, il-figura ta’ l-Isqof Cauchi spikkat bħala waħda ta’ ragħaj veru li jifhem ix-xewqat tal-merħla tiegħu u jfittex dejjem is-sliem qabel kull interess ieħor. Fiż-żminijiet imqallba li fihom laħaq isqof, meta bħala amministratur appostoliku sa mill-1967 kellu jħabbat wiċċu ma’ snin diffiċli fid-djoċesi ta’ Għawdex, hu għaraf ifittex bl-għaqal u l-prudenza ta’ mexxej veru l-ogħla ġid tal-Knisja f’Għawdex. Għal dan kollu, għar-riformi mhux żgħar li wettaq fid-djoċesi, kif ukoll għall-predikazzjoni u t-tagħlim għaref tiegħu, anki permezz tal-kitba u tax-xandir, mera ta’ spiritwalità aċċessibbli għal kulħadd u bil-mod li kulħadd jifhimha, aħna nħossuna midjunin tassew lejh.
Fil-konfront tal-komunità parrokkjali tar-Rabat, speċjalment dik tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, l-Isqof Cauchi wera attenzjoni ta’ veru missier li qalbu tħabbat ma’ ta’ wliedu li l-aktar jimmeritaw attenzjoni. Bl-appoġġ tas-Santa Sede, fl-1975 hu sema’ x-xewqa antika ta’ wlied l-ewwel parroċċa ta’ Għawdex u żejjinha lill-Bażilika Ġorġjana bid-dinjità ta’ kolleġġjata. Mhux biss… Tant fehem kemm ir-ragħaj tad-djoċesi hu marbut ma’ dan it-tempju fil-qalba tal-gżira li, meta waqqaf il-kapitlu Ġorġjan, rabat lilu nnifsu bħala l-isqof djoċesan u lis-suċċessuri kollha tiegħu li jkunu d-dekan u l-ewwel dinjità tal-kolleġġjata l-ġdida, l-ewwel waħda f’Għawdex imwaqqfa skond id-dispożizzjonijiet tal-Konċilju Vatikan II. Mons. Cauchi kien strumentali biex ir-riformi tal-Konċilju sabu art fertili fil-gżira ċkejkna tagħna.
Anki s-Soċjetà Filarmonika La Stella tħoss imħabba u rabta filjali mal-persuna ta’ l-Isqof Cauchi. Miegħu ħadmet id f’id fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor biex tinstab soluzzjoni ġusta għall-kriżi parrokkjali f’beltna, u li ma kienx għall-għerf u l-ġenwinità ta’ Mons. Cauchi, żgur li l-Knisja fi gżiritna għaddiet minn ħafna iżjed taqlib devastanti. Bid-dar il-ġdida tagħha quddiem il-Kurja Veskovili tiegħu, is-Soċjetà La Stella fittxet li tkompli żżomm ma’ l-Isqof Cauchi relazzjonijiet l-iktar kordjali tul l-amministrazzjoni tiegħu tad-djoċesi Għawdxija, rispett li baqa’ sħiħ anki wara li fl-2006 ir-riżenja tiegħu minn dan l-uffiċċju ntlaqgħet.
Għalhekk f’dan il-jum ta’ niket għal Għawdex kollu, is-Soċjetà La Stella tingħaqad fis-sogħba tal-poplu tagħna għat-telfa ta’ benefattur kbir tagħha, tal-parroċċa Ġorġjana u tas-soċjetà Maltija kollha. Dan hekk kif għada, 16 ta’ Novembru 2010, infakkru għeluq l-għaxar snin mill-mewt ta’ Nikol ieħor, il-Kanonku Nikol Vella Apap, saċerdot Ġorġjan li ħadem ħafna b’riżq il-ġid ta’ San Ġorġ.
Il-funerali solenni ta’ l-Isqof Cauchi mistennija jsiru nhar l-Erbgħa li ġej, hekk kif għada l-fdalijiet tiegħu jitwasslu Għawdex, fejn mis-sede tagħha daqshekk fil-qrib, is-Soċjetà La Stella tkun tista’ ssellem ukoll lil dan il-missier kbir. Inwiegħdu t-talb tagħna b’suffraġju ta’ ruħ l-Isqof Cauchi, u naqsmu fin-niket tat-telfa mġarrba mill-familjari tiegħu fl-Għarb u mill-familja wisq akbar ta’ wliedu, jiġifieri l-kleru u l-poplu Nisrani kollu ta’ Għawdex.