Join Us On:

News Archive

TISLIMA LIL MONS. SALV BORG

Bkietek il-familja maħbuba tiegħek, bkietek il-Kolleġġjata Lateranensi Ġorġjana mal-Kapitlu u kleru tagħha, bkietek is-Soċjetà Filarmonika La Stella, bkietet il-Belt Victoria, l-għaqdiet u ħbiebek mxerrda ma’ Għawdex u Malta kollha, bkejniek flimkien għaziz Dun Salv, tlifniek f’qasir żmien, mingħajr stennija, ħesrem, bħal ħolma. Dun Salv għaliex tlaqtna?

Għaddiet ġimgħa meta l-aħbar kiefra tat-telfa tiegħek infirxet ma’ beltna, ma’ gżiritna, ma’ Malta. ‘Ħalliena Dun Salv, għadu kif strieħ għal dejjem, mar għand il-Mulej’. U ma’ din l-ewwel aħbar l-arja madwarna bħal keshet, aħbar li għalkemm hija ta’ kull wieħed u waħda minna, ma kinitx le mistennija. Kiefra kienet din is-siegħa tal-biżgħa. Dun Salv għaliex tlaqtna?

Kull min kien midħla tiegħek, għażiż Dun Salv ħass din it-telfa kbira. Lilek, li konna nafuk bħala ħuna, wieħed minna, irridu ngħidulek grazzi, niżżiħajr. Iva, niżżiħajr lilek li
tant għintna fil-mixja spiritwali tagħna, u mhux biss imma saħansitra f’dik soċjali u kulturali. Qatt ma qgħadt lura sabiex ittina l-pariri tiegħek, qatt ma għidtilna le, dejjem kont hemm sabiex tismagħna. Ħinek kien il-ħin tagħna u int dejjem smajtna. Għidli ftit issa minn fejn int qiegħed, kif ser infittxuk? Għidli ftit issa minn fejn tlaqtilna kif ser nerġgħu noqogħdu nisimgħuk? Dun Salv għaliex tlaqtna?

Nistħajlek tħarsilna minn hemm fuq, hemm mill-għoli ta’ ħdejn il-Mulej, fejn hemm huwa żgur aħjar minn hawn. Nistħajlek titlob għall-familji tagħna, għall-komunità tagħna, għalina lkoll.

Dun Salv, naħseb rajt minn hemm fuq l-imħabba li xtaqna nuru lejk waqt il-funeral li għamlitlek il-komunità Ġorġjana. Tlabna lill-Mulej għalik sabiex jagħtik il-premju tant mistħoqq. Imlejna t-triqat, il-pjazez u l-maqdes dehbi tagħna, folla li ebda funeral ieħor f’Għawdex qatt ra bħalha. Iva, xtaqna ngħidulek grazzi permezz ta’ dan kollu, permezz ta’ l-għexieren ta’ saċerdoti ħutek immexxija mill-Isqof tagħna miġbura madwarek jitolbu mal-komunità kollha għalik. Iva, xtaqna ngħidulek grazzi kbira permezz tad-daqq tal-Banda tagħna, La Stella, li int tant ħabbejt, li int kont ilek bħala kappillan tagħna għal dawn l-aħħar snin. Wassalniek mill-knisja sal-każin tagħna, lkoll mbellħin, akkumpanjati mill-Arċipriet, is-suċċessur tiegħek Mons. Ġużeppi Farrugia li dan qatt ma ħalliek waħdek fil-marda qalila li ġarrabt. Bkejna mad-daqq tal-marċi funebri li int tant kont tħobb. Is-surmast Joseph Vella ikkuntentak sa l-aħħar, kitiblek marċ għall-funeral tiegħek kif tlabtu int qabel ħallejtna!! Min jaf kemm ħadt gost tisimgħu! Dun Salv għaliex tlaqtna?

F’ismi Manuel Grima, li diġà kellna kollox imħejji sabiex takkumpanjani bħal kull sena lejn l-Ewropa f’Settembru, f’isem sħabi tas-Soċjetà La Stella, f’isem tant u tant ħbieb u kollegi mxerrda madwar Għawdex tagħna, insellimlek . Grazzi Dun Salv.

Manuel Grima

Ritratti: Joe Attard ©