Join Us On:

News Archive

TINTEMM IN-NOVENA TA’ SAN GORG

Illejla ntemmet in-novena bi preparazzjoni għall-festa ta’ San Ġorġ li se tkun nhar il-Ħadd li ġej.  Fil-fatt il-quddiesa tas-sitta ħadet forma differenti mis-soltu peress li kien imiss li jittella’ d-disa jum tan-novena.  Il-Bażilika kienet ippakkjata bin-nies sa minn kmieni, fejn naturalment sipkkaw iċ-ċkejknin, it-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tagħna.

L-aħħar quddiesa tan-Novena qaddisha Dun Simon Mario Cachia akkumpanjat minn Dun Tonio Galea.  Id-dramm li nħadem matul il-jiem tan-Novena kien tal-istess Dun Simon Mario, filwaqt li d-direzzjoni kienet taħt idejn Antonella Zammit, megħjuna minn tim ta’ voluntiera.

Fl-aħħar tal-quddiesa, it-tfal kollha li ħadu sehem fid-dramm dwar San Ġorġ matul il-jiem tan-Novena telgħu fuq l-artal lkoll flimkien fejn tkantaw bosta innijiet Ġorġjani filwaqt li mill-bieb ta’ barra daħlet b’mod trijonfali l-istatwa artistika ta’ San Ġorġ Rebbieħ, xogħol ta’ Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa titulari għall-festi esterni f’Għawdex.

Minn għada issa tibda l-ġimgħa hekk importanti għalina l-Ġorġjani, il-festa f’ġieħ il-Patrun u Protettur t’Għawdex.