Join Us On:

News Archive

TIBDA L-PREPARAZZJONI GĦAR-REKORDING TAL-MARĊI FUNEBRI

Fi tmiem il-ġimgħa, il-banda ċittadina “La Stella” taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha Mro Joseph Vella, mill-ġdid reġgħet bdiet bl-impenji tagħha din id-darba bi preparazzjoni għall-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Matul il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa, il-banda tagħna ttella’ Kunċert ta’ Mużika Sagra fil-bażilika ta’ San Ġorġ; tieħu sehem fil-purċissjoni mill-aktar devota li toħroġ mill-istess bażilika; u tagħmel marċ brijuż bid-daqq tal-valzi waqt dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt.

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” ta’ kull sena toħroġ CD b’marċi brijużi tal-festa ta’ San Ġorġ, u kull sentejn toħroġ CD ieħor din id-darba b’marċi funebri li jindaqqu tul il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Din is-sena peress li l-purċissjoni mill-bażilika tagħna ser toħroġ fil-jum proprju tagħha, il-banda ppreparat sett ġdid ta’ marċi funebri. Fost l-għażla ta’ marċi nsibu marċi ġodda u oħrajn li kienu miżmuma fl-arkivju rikk li għandha s-Soċjetà. Ma jistax jonqos, il-marċ mill-pinna tas-Surmast Joseph Vella, miktub f’Settembru li għadda ddedikat lil Mons. Salv Borg, arċipriet emeritu tal-bażilika ta’ San Ġorġ u kappillan tal-banda “La Stella”, li ħalliena fl-aħħar jiem ta’ Settembru. Dan il-marċ indaqq proprju fil-funeral tiegħu, u anke fil-Programm mużikali annwali tal-banda. Issa ser jerġa’ jindaqq fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-ismijiet tal-marċi l-oħra nklużi f’dan is-sett il-ġdid jiġu żvelati aktar tard tul ix-xahar ta’ Marzu, meta ser joħroġ għall-bejgħ is-CD album il-ġdid.