TIBDA L-PREPARAZZJONI GĦALL-PROGRAMM ANNWALI
Wara staġun ferm impenjattiv għall-banda tagħna, nhar il-Ħadd li għadda l-banda bdiet bil-kunċerti bi preparazzjoni għall-Programm Mużikali Annwali li ser isir f’Novembru ġewwa t-Teatru Astra. Dan l-avveniment annwali huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar impenji prestiġjużi li għandha l-banda tagħna. Programm Mużikali li ta’ kull sena jiġbed numru kbir ta’ ammiraturi tal-banda tagħna lejn it-teatru biex isegwu u jisimgħu lill-banda bl-għażliet varji u mill-isbaħ li jigu magħżula mill-arkivju sinjur tas-Soċjetà tagħna. Il-bċejjeċ mużikali ġew magħżula diġà wara konsultazzjoni bejn is-Surmast, l-Assistent Surmast flimkien mal-kummissjoni banda. Fil-ġimgħat li ġejjin inħabbru l-Programm uffiċjali li ser jindaqq f’Novembru li ġej.
Il-banda, issa tibqa’ tiltaqa’ kull nhar ta’ Ħadd filgħodu, fejn fis-Sala Mro Giuseppe Giardini Vella, isiru l-kunċerti preparatorji. Wieħed ta’ min japprezza l-impenn sħiħ li dejjem jagħtu l-bandisti tagħna li b’dedikazzjoni u serjetà jattendu bi ħġarhom kemm għas-servizzi numerużi tal-banda kif ukoll għal dawn il-kunċerti. L-impenji ma waqfu qatt. Il-banda tagħna ma bdietx bis-servizzi tagħha f’Settembru, iżda minn Mejju u bqajna sejrin sa l-aħħar ġimgħa t’Awwissu bla waqfien. Ma rridux ninsew li qabel fetaħ l-istaġun tal-festi l-banda kienet impenjata fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa, u wara tellgħet xejn inqas minn tliet programmi mużikali fi tliet okkażjonijiet separati.
Dan in-numru kbir ta’ impenji jawgura tajjeb għall-banda tagħna. M’hemmx dubju li l-banda ċittadina “La Stella” tibqa’ bħal ma dejjem kienet l-aktar banda popolari fil-gżira Għawdxija.