Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS KBIR GĦALL-ASTRA FOLK GROUP

Il-Grupp Folkloristiku Astra, għadu kif ġie lura minn mawra ta’ tlettax-il ġurnata f’Billingham l-Ingilterra, fejn hemmhekk kien mistieden biex jieħu sehem fl-44 Festival Internazzjonali tal-Folklor, bħala rappreżentant ta’ pajjiżna. L-Astra Folk Group kien l-ewwel grupp Malti li qatt ħa sehem f’dan il-festival prestiġjuż.

F’dan il-festival l-Grupp Folkloristiku, ippartecipa flimkien ma’ gruppi oħra “Viva de la Universidad del Norte” mill-Colombia, “Sorbian Folk Dance Group Schmerlitz” mill-Ġermanja, “Sbanbieratori dei Rioni di Cori” mill-Italja, MASenidaya Cultural Dance Group” mill-Malaysia, “Doina Timisului Folklore Ensemble” mill-Rumania, “Kruzheva” mir-Russja, “Trinity College National Drum & Dance Troupe” mis- Sri Lanka, “Anadolu University Folk Dance Group” mit-Turkija, “Dhol Blasters & Bangra Blasters” minn Billingham, “Dojo Taiko Drummers” minn Glasgow, “Corryrechan Scottish Dance Display Team” mill-Ingilterra, u “Adington English Folk Dancers” minn Cheshire.

Il-gruppi ħadu sehem fi sfilati li saru fil-bidu u fit-tmiem tal-festival madwar it-toroq u l-pjazez tal-post u anke tellgħu wirjiet ta’ żfin u kant f’postijiet partikolari bħal “Billingham Festival Arena” u fil-“Forum Theatre”. Dawn il-manifestazzjonijiet folkloristiċi ma setgħux ma joħolqux spettaklu mill-isbaħ ta’ kuluri, briju u allegrija fost xenarju mill-aktar impressjonanti. Mhux ta’ b’xejn dawn il-wirjiet intlaqgħu b’għajjat ta’ ferħ u ċapċip mir-residenti tal-lokal kull fejn saru l-ispettakli.

Fost il-wirjiet li ta l-Astra Folk Group matul dan il-festival, ġie mitlub mill-organizzaturi biex jagħti show ta’ siegħa waħdu fil-“Forum Theatre”. Dan kien ta’ unur għall-grupp Astra fejn ippreżenta serata ta’ kant u żfin mir-repertorju vast tiegħu l-“Għabex”, quddiem udjenza numeruża, li ma waqfet qatt taplawdi lill-grupp matul din is-serata. Okkażjoni oħra sabiħa kienet meta il-grupp Astra ta spettaklu ta’ kant u żfin f’dar ta’ l-anzjani, li wħud minhom jiftakru sew lil Malta u Għawdex, għax ġew f’pajjiżna. F’żewġ okkażjonijiet differenti l-grupp ħa sehem fil-quddiesa tal-Ħadd fejn kanta kant reliġjuż bil-Malti. Il-grupp ippreżenta rigal ta’ tifkira, pittura tal-knisja Ta’ Pinu lil Fr. Butters għan-nom tal-komunità, lil min-naħa tiegħu rringrazzja lill-grupp għas-sehem tiegħu matul iż-żewġ okkażjonijiet tal-Ħadd.

Il-Festival laħaq il-qofol tiegħu fl-aħħar ġurnata meta għal darb’oħra reġgħu ħadu sehem il-gruppi kollha mistiedna f’wirja ta’ żfin u kant folkloristiku. Fi tmiem is-serata l-Grupp Astra ippreżenta rigali ta’ tifkira lis-Sindku ta’ Borough of Stockton on Tees John Fletcher, liċ-Chairperson tal-Festival Ald. Maureen Taylor MBE, lill-gruppi parteċipanti kif ukoll lill-organizzaturi tal-Festival Joe u Olga Maloney, li min-naħa tagħhom offrew ukoll lill-Grupp Astra diversi tifkiriet tal-okkażjoni. Kien ta’ unur għall-grupp Astra l-kummenti li rċieva mingħand is-Sindku, iċ-Chairperson u l-organizzaturi, li l-grupp kien l-aqwa u li l-udjenza ħadet gost bil-grupp għax kien l-aktar wieħed ferrieħi u allegru minbarra s-sbuħija tal-kant u ż-żfin tieghu. Mhux ta’ bxejn li fil-ġurnali tal-lokal, il-grupp folkloristiku Astra kien imsemmi bħala “The STRONG Astra Folk Group from Gozo, Malta”.

Tul il-mawra tiegħu f’Billingham rappreżentanza mill-Grupp Folkloristiku Astra, flimkien ma’ rapreżentanti minn gruppi oħra, ma’ delegazzjoni mill-Kumitat Organizzattiv u personalitajiet oħra distinti, kienu mistiedna mis-Sindku John Fletcher għal riċeviment. F’diskors ta’ merħba li għamel is-Sindku huwa qal li kien tal-ikbar pjaċir u unur għall-komunità tiegħu li jospita lill-Grupp Malti u lill-gruppi l-oħra, sabiex jieħdu sehem f’dan il-Festival. Huwa awgura li l-Grupp jieħu miegħu memorji mill-aktar memorabbli tal-post bit-tama li ma jdumx ma jfittex okkażjoni oħra li jerġa’ lura f’din il-lokalità. Għal dan id-diskors wieġeb is-sur Joe Borda, Prinċipal fid-Direttorat tat-Turiżmu li kien qed jirrappreżenta lill-Gvern Malti f’din il-mawra tal-Grupp Folkloristiku Astra f’Billingham, li kienet qed tiġi ssapportjata mill-Gvern Malti. Is-sur Borda iżżiħajr lis-Sindku f’isem il-Gvern Malti għall-akkoljenza tremenda li l-Grupp ingħata f’Billingham u esprima x-xewqa tiegħu li din ir-rabta ta’ ħbiberija tibqa’ dejjem aktar sħiħa fil-ġejjieni.

Mill-aktar attrajenti kienu l-posters kbar li twaħħlu f’diversi nħawi tal-belt sabiex jirreklamaw il-Festival u li fihom spikka ritratt mill-isbaħ tal-Grupp tagħna. Daqstant ieħor, attrajenti kienu l-‘Brochures’ u l-‘Flyers’ sbieħ tal-kulur li l-Grupp Astra ħa ħsieb jtella’ miegħu biex jitqassmu f’Billingham, mimlija b’kull xorta ta’ tagħrif dwar l-istorja ta’ dan il-Grupp matul dawn l-aħħar 38 sena, b’messaġġi minn tliet Ministri, minn Segretarju Parlamentari, mis-Sindku tal-belt Victoria u informazzjoni oħra dwar il-gżejjer Maltin.

Kemm dam l-Ingilterra l-Grupp żar Londra, York, Cambridge, Middlesbrough, Stockton-on-Tees, u anke Edinburgh l-Iskozja. Il-Grupp Folkloristiku Astra kien immexxi mid-Direttur Artistiku tiegħu, Anton Zammit flimkien ma’ George Farrugia, il-persuna inkarigata mill-kostumi tal-grupp. Żgur li din il-mawra prestiġjuża fl-Ingilterra kompliet tinseġ ħolqa oħra fil-kullana twila ta’ suċċessi ta’ dan il-Grupp Folkloristiku, li jispeċjalizza mhux biss fi żfin ferrieħi imma wkoll f’repertorju wiesgħa ta’ kant folkloristiku mill-isbaħ miktub esklussivament għal dan il-Grupp.

Il-Grupp Folkloristiku Astra jixtieq jirringrazzja b’mod speċjali lill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, lill-Ministru għall-Edukazjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport l-Onor. Dolores Cristina, lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment l-Onor. Tonio Fenech, lis-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni l-Onor. Dr. Chris Said, lis-Segretarju Parlamentari tat-Turizmu l-Onor Mario De Marco, lis-Sindku Robert Tabone u l-Kunsilliera tal-belt Victoria, lis-sur Joe Borda (Prinċipal fid-Direttorat tat-Turizmu), u fl-aħħar mhux l-inqas lill-isponsors kollha li għoġobhom jirriklamaw fil-brochure li sar apposta għal din il-mawra fl-Ingilterra, għall-għajnuna siewja li taw sabiex din iż-żjara setgħet isseħħ u tikseb suċċess li jagħmel unur mhux biss lill-Grupp Folkloristiku Astra u lis-Soċjetà Filarmonika La Stella, li hu mwaqqaf fi ħdanha, imma fuq kollox lil Malta u Għawdex.

07/08/2008

ritratti: JJP Zammit