Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS IEĦOR FIL-KULLANA TA’ SUĊĊESSI GĦALL-GRUPP FOLKLORISTIKU ASTRA

Il-Grupp Folkloristiku Astra għadu kemm irritorna mir-Repubblika Ċeka fejn ħa sehem fis-57 edizzjoni tal-Festival Folkloristiku Internazzjonali f’Červený Kostelec, li ttella’ bejn is-17 u t-22 ta’ Awwissu 2011, fejn kien l-ewwel grupp Malti u Għawdxi li qatt ħa sehem f’dan il-festival internazzjonali.

Kien suċċess minn kull lat, u ma setax ma jkollux bidu mill-aqwa meta fuq l-istess titjira tal-Grupp għar-Repubblika Ċeka kien hemm il-Prim Ministru ta’ Malta Dr Lawrence Gonzi u s-Sinjura tiegħu Kate, li ma naqsux li jawguraw kull suċċess lill-membri tal-Grupp għall-mawra u l-wirjiet tagħhom f’Červený Kostelec. Il-Prim Ministru kellu kliem ta’ inkuraġġiment waqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li Malta kienet sa tkun irrappreżentata tant tajjeb mill-Grupp Folkloristiku Astra f’dan il-festival internazzjonali, fost gruppi minn diversi pajjiżi oħra fosthom iċ-Ċina, il-Bosnja-Herzegovina, il-Polonja, it-Turkija, il-Messiku, il-Greċja, l-Italja, is-Slovenja, u r-Repubblika Ċeka stess. Id-direttur artistiku tal-grupp, Anthony Zammit, filwaqt li rringrazzja lil-Prim Ministru u s-Sinjura tiegħu għall-awgurji tagħhom, f’isem il-Grupp Folkloristiku Astra ppreżentalhom dgħajsa żgħira tal-fidda bħala rigal ta’ tifkira għal din l-okkażjoni.

Matul dan il-festival il-Grupp Folkloristiku Astra ta diversi spettakli folkloristiċi Maltin mir-repertorju vast tiegħu, u kull fejn ta l-wirjiet tiegħu ġie milqugħ b’applawsi kbar mill-udjenza numeruża preżenti. Kliem ta’ tifħir għall-Grupp kellu wkoll is-Sindku tal-lokal, Petr Medilek, li flimkien mad-direttur tal-festival esprima s-sodisfazzjon tagħhom li għall-ewwel darba kellhom fosthom grupp folkloristiku minn Malta li l-udjenza tant ħadet gost bih. Il-Grupp ippreżenta diversi rigali ta’ tifkira kemm lis-Sindku, kemm lid-diretturi, kif ukoll lil kull grupp li ħa sehem, li bosta minnhom kienu qed jisimgħu b’Malta u Għawdex għall-ewwel darba.

Permezz ta’ dan il-festival il-Grupp Folkloristiku Astra mhux biss ferraħ lil dawk preżenti bil-wirjiet spettakulari tiegħu, imma kien qed jirreklama lill-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni turistika interessanti. Dan għamlu wkoll permezz tat-tqassim ta’ flyers imħejjija apposta.

Prosit, Grupp Folkloristiku Astra, għax erġajtu għamiltulna unur mal-barranin. Veru ambaxxaturi denji ta’ pajjiżna!

Aktar ritratti u informazzjoni jistgħu jinkisbu minn fuq facebook paġna
http://www.facebook.com/astrafolkgroup