Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS KBIR BL-OPRA TOSCA FIT-TEATRU ASTRA

Il-bieraħ saret it-tieni rappreżentazzjoni tal-opra ta’ Giacomo Puccini Tosca ġewwa t-Teatru Astra, li bla dubju kienet waħda mill-aqwa produzzjoniiet tal-opra fil-gżejjer Maltin.

Dan is-suċċess kien riżultat ta’ prestazzjonijiet tajba tal-kantanti prinċipali, l-orkestra u s-surmat direttur, il-korijiet, kemm tal-kbar kif ukoll tat-tfal, l-artistrija fejn jidħol xenarju, dawl u kostumi u x-xogħol kollu marbut mal-amministrazzjoni.

Il-partijiet ewlenin kienu interpretati minn Marija Jelic bħala Tosca, Dario di Vietri bħala Mario Cavaradossi u Badral Chuluunbaatar fil-parti ta’ Baron Scarpia. Noel Galea interpreta l-parti ta’ Cesare Angelotti, Louis Andrew Cassar interpreta l-parti il sagrestano, Lorenzo Papasodero għamel Spoletta, Ivan Vella interpreta Sciarrone, Alessandro della Morte għamel il-parti tal-carceriere filwaqt li Jamie Sciberras interpreta il pastore. L-orkestra nazzjonali ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħna Dr John Galea. Il-kor tal-kbar tmexxa mill-Chorus Master Francis Camilleri filwaqt li dak tat-tfal kien taħt idejn Sylvana Attard. Għal sena oħra ix-xenografija kienet f’idejn Joseph Cauchi u t-tim tiegħu filwaqt li l-kostumi għal darba oħra kienu f’idejn Miriam Attard u George Camilleri fuq disinni ta’ Matteo Capobianco. Dawn kollha u l-ħafna voluntiera li għenu f’kull sezzjoni, inkluża l-amministrazzjoni immexxija mill-president tas-Soċjeta Filarmonika La Stella, s-Sur Michael Formosa, għamlu dan il-proġett teatrali suċċess ieħor ma dawk li ġa saru fil-passat. Aktar dettalji ta’ dawk li taw semhom jnsabu fil-librett Tosca li wieħed jista’ jara f’din il-link.

Kull waħda minn dawn hija ħolqa f’katina li kemm il-darba tibqa magħquda tkun b’saħħita u tagħti riżultati eċċellenti. Naturalment is-suċċess jitkejjel ukoll bil-fatt li saru żewġ rappreżentazzjonjiet u li kienu prattikament ‘full-up’ minn bosta jiem qabel. Dan juri wkoll fiduċja fit-tim Teatru Astra li bena reputazzjoni li dak li jtella fuq il-palk tiegħu huwa ta’ livell għoli. Kull produzzjoni għandha l-isfidi tagħha imma s-sabiħ huwa li minn kull produzzjoni dejjem wieħed jitgħallem u jipprova jtejjeb.

Dan jawgura tajjeb għal produzzjoniiet tat-Teatru Astra li hemm ippjanati fil-futur fostom il-musical Singing in the Rain f’Marzu w l-opra Madama Butterfly f’Ottubru 2026. Il-booking huwa miftuħ għat-tnejn li huma fuq www.teatruastra.org.mt

Il-produzzjoni ta’ Tosca kienet possibbli grazzi għall-Arts Council Malta, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u bosta entitajiet kummerċjali li għenu biex dan kollu jsir.

(Ritratti: Joe Attard)