Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS KBIR BL-OPRA IL TROVATORE

Il-bieraħ ġiet fit-tmiemha t-tieni rappreżentazzjoni tal-opra ta’ Giuseppe Verdi, Il Trovatore, ġewwa t-Teatru Astra, li għaliha attenda l-President ta’ Malta, l-E.T. Dr George Vella, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Dr Justyne Caruana, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Clint Camilleri u bosta membri parlamentari oħra. Din kienet l-ewwel darba li l-E.T. Dr. George Vella attenda fit-Teatru Astra minn kemm ilu li nħatar bħala President ta’ Malta.  Huwa ġie milqugħ fit-Teatru mis-Sur Michael Formosa, President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u t-Teatru Astra, s-Segretarju s-Sur Matthew Zammit u l-Vici President Dr Chris Mizzi.

74341951_2772561229434280_1986791393695105024_n 73475188_2772561146100955_4960307981267763200_n 73230219_2772561006100969_6981407925910634496_n 72587033_2772560769434326_8568816787561381888_n

M’ hemmx dubju li dan is-suċċess żied ġawhra oħra mal-kullana ta’ suċċessi miksuba fit-teatru tagħna. Teatru Astra, minkejja li issa ilu jagħti kontribut kulturali għal aktar minn 50 sena, irnexxielu jibqa’ ħaj b’attività kontinwa matul is-sena, attività li qed tarrikixxi l-arti ta’ pajjiżna.  L-opra li assistejna għaliha f’dawn il-jiem hija riżultat ta’dawn l-isforzi, ċelebrazzjoni ta’ arti maħluqa minn nies professjonali, semi-professjonali u voluntiera.

F’din l-opra Il Trovatore kellna kantanti ta’ livell tajjeb, b’mod speċjali Sanja Anastasia fir-rwol ta’ Azucena, Joanna Parisi fir-rwol ta’ Leonora, il-baxx Carlo Colombara fir-rwol ta’ Ferrando u l-baritonu Plamen Dimitrov fir-rwol tal-Conte di Luna. Il-parti ta’ Manrico kienet f’idejn it-tenur Valeriy Georgiev. Ħadu sehem ukoll Alberto Munafo’ fir-rwol ta’ Ruiz, Noel Galea fil-parti tal-Vecchio Zingaro u Mario Portelli fil-parti tal-Messaggero.  Il-kor tat-Teatru Astra għal darba oħra kien wieħed eċċellenti. Ta’ min jinnota li l-opra Il Trovatore immarkat id-debutt ta’ Mariella Spiteri Cefai bħala l-Choir Mistress tat-Teatru Astra fil-qasam operistiku.  Biċċa xogħol oħra tajba kienet fejn jidħlu l-kostumi, mmexija minn Emanuel Grima, George Farrugia, Ina Zammit u George Camilleri, li din is-sena ħadu f’idejhom il-kreazzjoni u produzzjoni tal-kostumi kollha.

Meta nitkellmu fuq Il Trovatore tat-Teatru Astra ma nistgħux ma nsemmux it-tim tax-xenarju mmexxi minn Joseph Cauchi.  M’ hemmx dubju li x-xenarju kien wieħed spettakolari, li flimkien mal-projections ħolqu atmosfera indiminetikabbli.  Huwa fatt magħruf li x-xenarju tat-Teatru Astra huwa uniku f’pajjiżna. F’din l-opra partikolari spikka wkoll li għall-ewwel darba f’pajjiżna saret bil-biċċa ballabile (Paris Version).  Iż-żeffiena, immexxija mill-korejografa Sarah Grech, paxxew l-udjenza; prosit tassew lihom ilkoll.

Rikonoxximent mistħoqq għal dan is-suċċess imur bla dubju lil Enrico Stinchelli għad-direzzjoni artistika tiegħu, li hija d-disa’ waħda fit-teatru tagħna.  L-ideat moderni mħallta mal-opra stil tradizzjonali għamlu l-opri tat-Teatru Astra uniċi. Fl-aħħar u mhux l-anqas nixtiequ nifirħu lis-Surmast tat-Teatru Astra, Dr John Galea, li mexxa b’tant ħila l-orkestra nazzjonali.  Għas-Surmast Galea din kienet l-ewwel darba li mexxa opra f’dan it-teatru.

Ma jkunx ġust li ma nroddux ħajr ta’dan is-suċċess lil dawk kollha li jaħdmu minn wara l-kwinti u li ħafna drabi ma jidhrux u ma jissemmewx.  Fosthom dawk li jaħdmu fis-sezzjoni tad-dwal, projections, tal-props, backstage, booking office, pubblikazzjonijiet, social mediaflower arrangements, loġistika u amministrazzjoni.  L-opra ma tkunx possibbli mingħajr is-support permezz tal-Programm ta’ Appoġġ Kulturali ta’ Għawdex amministrat mill-Arts Council Malta u l-Ministeru għal Għawdex, u bosta entitajiet privati. Din kienet sena speċjali wkoll għax fiha ġiet varata t-tema Opera is Gozo matul ix-xahar ta’ Ottubru, immexxija mill-Ministeru għal Għawdex.  Infatti bħala parti minn dan il-programm saru diversi attivitajiet quddiem it-Teatru Astra qabel l-opra biex jilqgħu n-nies u l-mistednin. Prosit tassew anke għal din l-inizjattiva.

Kif ġie rrimarkat fil-bidu, it-Teatru Astra huwa ħaj, mingħajr mument ta’ waqfien.  Minn għada stess jibda jiżżarma s-sett peress li fis-16 ta’ Novembru 2019 hemm skedat il-Programm Annwali tal-Banda Ċittadina La Stella li jġib fi tmiemu Festival Mediterranea 2019.  Il-programm  jibda fit-8pm u kulħadd huwa mistieden jattendi. Id-dħul huwa b’xejn.

(Ritratti: Joe Attard)