Join Us On:

News Archive

SUĊĊESS KBIR BIL-MUSICAL “SOUND OF MUSIC”


Il-bieraħ ġiet fi tmiema l-ħames rappreżentazzjoni tal-musical ċelebri “The Sound of Music”, imtella’ live fit-Teatru Astra fis-17, 18,19, 25 u 26 ta’ Marzu 2023.  Il-ħames rappreżentazzjonijiet kienu prattikament “full-up” u jiddispjaċina li għal xi dati kellna wkoll nirrifjutaw in-nies.  Dan jagħmlilna kuraġġ biex inkomplu naħdmu, nipproġettaw u nwettqu aktar inizjattivi kulturali fil-futur li ġej. Għar -rappreżentazzjoni tal-bieraħ konna onorati bil-preżenza tal-President ta’ Malta l-Eċċellenza Tiegħu Dr George Vella u s-Sinjura Vella u l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Mons. Alfred Xuereb.  Il-mistednin distinti kienu milqgħuha fit-Teatru Astra mill-President is-Sur Michael Formosa u s-Segretarju Amministrattiv is-Sur Matthew Zammit.

It-Teatru Astra huwa tassew ċentru kulturali, ċentru ta’ opportunitajiet għal talent fuq skala nazzjonali.  Fil-musical “The Sound of Music” kellna atturi, kantanti u mużiċisti mifruxa minn Malta u Għawdex.  Huwa ta’ pjaċir li kull darba li nagħmlu sejħa għal ‘auditions’ ikollna rispons kbir minn Għawdex kollu u ħafna bliet u rħula Maltin.

Ir-rispons tal-pubbliku huwa ta’ sodisfazzjon kbir.  Naraw spiss udjenza li ma titlfix produzzjoni waħda milli nagħmlu. Eluf ta’ residenti f’Malta qasmu l-fliegu u ingħaqdu ma’ dawk  f’Għawdex biex ikunu magħna f’xi waħda  mir-rappreżentazzjonijiet li għamilna.  Ta’ dan kollu nroddu ħajr lil dawk li kellom il-pjaċir jiġu fi-teatru attiv tagħna.

F’din il-produzzjoni partikolari rridu nirringrazzaw il-protagonisti tal-musical b’mod partikolari lil Jasimine Farrugia li kellha interpretazzjoni eċċellenti.  Impossibbli nsemmu l-kulħadd imma għal min irid aktar inforazzjoni qed nipproduċu l-cast isfel.

Prosit li t-tim tal-produzzjoni artistika; Chris Gatt bħala direttur artistiku, li għamel ħamsa mis-sitt musicals tagħna fit-Teatru Astra, lil Mariella Spiteri Cefai, direttriċi tal-kor fis-sitt musicals li saru u f’din tal-aħħar, is-“Sound of Music” ukoll bħala direttur mużikali,  lill-grupp tal-kostumi, lit-tim kbir tax-xenarju u “backstage” u ħafna oħrajn fid-diversi sezzjonijiet. Minn din il-paġna nħobbu nsemmu wkoll lil dawk involuti fil-parti amministrattiva u loġistika għax għalkemm forsi l-anqas li jidhru f’għajnejn il-pubbliku, mingħajrhom l-musical ma jsirx.

It-Teatru Astra jixtieq ukoll jirringrazzja lid-diversi entitajiet li taw is-support tagħhom f’din il-produzzjoni, fostom il-Ministeru għal Għawdex, id-Direttort tal-Wirt Kulturali fi ħdanu, il-Me Direct u diversi kumpaniji privati li għenu dan il-proġett b’xi mod jew ieħor.

(Ritratti: Joe Attard)