SUĊĊESS FIL-KUNĊERT TAL-ALLJIEVI
Il-bieraħ fil-Każin La Stella sar il-kunċert tal-Alljievi kif ukoll il-gradwazzjoni tagħhom. Is-serata bdiet fit-8pm fejn il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, is-Sur Paul M Cassar indirizza l-udjenza b’messaġġ qasir. Dritt wara bdew jindaqqu diversi biċċiet b’taħlita ta’ dwetti, solos, kif ukoll oħrajn bl-akkumpanjament fuq il-pjanu minn Mario Galea. Qabel it-tqassim taċ-ċertifikati għamel kelmtejn tal-okkażjoni il-Prof Joseph Vella, Surmast Direttur tal-Banda La Stella, fejn esprima s-sodisfazzjon tiegħu jara nies ġodda jingħaqdu mal-Banda kif ukoll jarahom jesegwixxu biċċiet quddiem pubbliku għall-ewwel darba. Is-Segretarju Amministrattiv tas-Soċjetà, s-Sur Michael Formosa, irringrazzja lill-għalliema tal-istudenti: Mario Galea (fuq il-qasba) u George Camilleri (fuq ir-ram) li ħadu ħsieb jgħallmu għal din is-serata. Irringrazzja wkoll lill-għalliem l-ieħor Michael Bonanno (fuq il-qasba), kif ukoll lil dawk preċedenti George Apap u Noel Beck. Is-serata spiċċat b’xi wħud mill-istudenti jdoqqu flimkien żewġt biċċiet fuq arranġament ta’ Mario Galea. Wara, dawk preżenti kienu mistednin għal festin żgħir fil-foyer tat-Teatru.
Minn din il-paġna nagħmlu l-appell tagħna biex jekk hemm xi ħadd jixtieq jibda jitgħallem il-mużika jikkuntattja lil xi membru tal-kumitat ċentrali biex isiru l-arranġamenti meħtieġa.
(Ritratti: Toni Farrugia)