Join Us On:

News Archive

STQARRIJA TAS-SOĊJETÀ FILARMONIKA LA STELLA

Għeżież bandisti, soċji u partitarji tal-Istilla

Għal dawn l-aħħar tmenin sena, is-Soċjetà Filarmonika La Stella dejjem għarfet il-bidu tagħha lis-sena 1863. Matul daż-żmien kollu ntqal u nkiteb ħafna fuq it-tnissil tal-Banda La Stella, kemm minn partitarji tal-Istilla stess li b’mod diżinteressat offrew ħinhom sabiex idommu ġrajjiet is-Soċjetà u kemm minn oħrajn li qatt ma kienu midħla tagħha. Minkejja dan, sal-ġurnata tal-lum l-istorja tas-Soċjetà La Stella baqgħet ma nġabritx f’volum wieħed sħiħ.

Bil-ħsieb, għalhekk, li fl-2013 jiġi ċċelebrat b’mod xieraq il-150 anniversarju tal-Banda Ċittadina La Stella, fl-2011 il-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà ħaseb biex iniedi proġett ambizzjuż ta’ riċerka estensiva li eventwalment twassal għal analiżi oġġettiva u pubblikazzjoni komprensiva tal-istorja tas-Soċjetà La Stella.

F’dan l-istadju l-Kumitat jista’ jikkonferma li qiegħed jinġabar materjal ġdid ta’ interess storiku li għandu jgħin mhux ftit fl-istħarriġ xjentifiku. Barra minn hekk, mir-riċerka li saret s’issa jidher bl-iktar mod ċar li l-istorja tas-Soċjetà jeħtiġilha tgħaddi minn rivalutazzjoni serja u qawwija.

Għalkemm iċ-ċirkustanzi bħalissa jitolbu li tkompli tinżamm ċerta diskrezzjoni f’dan ir-rigward, huwa antinċipat li fil-ġimgħat li ġejjin jibdew jingħataw xi aġġornamenti fuq l-andament pożittiv ta’ dan l-istudju.
 
Il-Kumitat Ġenerali
Soċjetà Filarmonika La Stella

23 t’April 2013