Join Us On:

News Archive

STQARRIJA MIS-SOĊ. FILAR. LA STELLA

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria f’Għawdex tixtieq turi d-dispjaċir tagħha li okkażjoni li kellha tkun manifestazzjoni ta’ għaqda ċivika fil-Belt Victoria sfat mħassra mill-aġir irresponsabbli tas-Soċjetà Filarmonika Leone meta b’manifestazzjonijiet partiġġjani, kissru arranġamenti pre-stabbiliti mill-Kunsill Lokali flimkien maż-żewġ soċjetajiet.

Nhar is-Sibt, 9 ta’ Ġunju, 2007, il-Kunsill Lokali tar-Rabat t’Għawdex fakkar “Jum il-Belt Victoria” permezz ta’ kunċert konġunt li sar rispettivament mis-Soċjetà Filarmonika La Stella u s-Soċjetà Leone fi Pjazza Indipendenza. Fl-istess okkażjoni s-Sindku Robert Tabone ppreżenta l-onorifiċenza ‘Ġieħ il-Belt Victoria’ liż-żewġ soċjetajiet. Kien eżatt wara li ngħatat din l-onorifiċenza, li s-Soċjetà Leone ħassret is-serata bl-aġir disonorevoli tal-ksur tal-ftehim stabbilit, li ma jsirux manifestazzjonijet partiġġjani oltre il-patti stabbiliti.

Dana l-aġir huwa l-konferma ta’ kemm is-Soċjetà Leone ripetutament ma tikkontrollax il-partitarji tagħha. Anzi, jidher li hija l-istess soċjetà li qiegħda taġixxi sabiex tiffermenta u tinstiga tali manifestazzjonijiet partiġjani. Dana f’sitwazzjoni fejn l-Kunsill kien qed jagħmel ħiltu għall-unità ġewwa r-Rabat, inizjattiva li s-Soċjetà Filarmonika La Stella taqbel magħha u tappoġġja b’ħilitha kollha.