Join Us On:

News Archive

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, organizzatriċi tal-festi esterni ad unur il-Patrun tal-Belt Victoria, San Ġorġ Martri, tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li attendew kif ukoll lil dawk kollha li ħadmu biex il-festi ad unur San Ġorġ fil-Belt Victoria kienu suċċess.
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija f’Għawdex, immexxi mis-Supretendent Simon Galea, kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, għas-sehem tal-Pulizija fil-qadi diliġenti ta’ dmirijiethom fil-festa titulari ta’ San Ġorġ fil-jiem li għaddew.
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tixtieq b’mod partikolari turi l-apprezzament tagħha lis-Supretendent Simon Galea, responsabbli mid-distrett t’Għawdex. Grazzi għat-tmexxija u l-kordinazzjoni tiegħu ċ-ċelebrazzjonijiet kollha fil-Belt Victoria fil-jiem li għaddew, setgħu jitmexxew b’ordni u paċi pubblika tant li għal darb’oħra kienu meqjusa suċċess u ma nqala’ ebda inċident f’ebda ħin.
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tirringrazzja wkoll lill-membri tagħha, b’mod partikolari lill-bandisti u lil dawk kollha involuti fit-tħejjija tal-festi esterni u interni fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, lill-għaqdiet l-oħra involuti, kif ukoll lill-pubbliku b’mod ġenerali tal-koperazzjoni u l-attendenza ferm numeruża matul il-jiem kollha.
 
Il-festa li għaddiet kienet verament xempju ta’ festa reliġjuża ad unur il-patrun u l-protettur tad-djoċesi Għawdxija. L-awgurju hu li anke l-bqija tal-festi jirriflettu s-sentiment reliġjuż, id-drawwiet u t-tradizzjonijiet, u r-rispett lejn il-buon ordni u l-paċi pubblika bħal ma rrenjaw fil-jiem li wasslu għat-tielet Ħadd ta’ Lulju.
 
30 ta’ Lulju 2009