Join Us On:

News Archive

STILLA

Jum hekk glorjuż ma jixrifx ta’ spiss fuq ix-xefaq tal-gżira tagħna tat-tliet għoljiet biex idawwal bi sbuħitu l-ħajja tagħna. It-8 ta’ Diċembru niċċelebrawh b’ferħ mhux tas-soltu aħna l-Ġorġjani, aħna Ta’ l-Istilla, għax għalina hu t-tieni festa. Inħarsu lejn ġrajjietna u naraw fl-Immakulata u l-festa għażiża tagħha hawn fil-belt Victoria għoqda speċjali fin-nisġa tar-realtà li tagħmilna dak li aħna.
 
Ħassejna li xejn ma joqgħod iżjed tajjeb għal dan il-jum milli naqsmu magħkom, il-qarrejja ta’ dan is-sit, ir-riflessjoni teoloġika l-iktar profonda li għamel Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu tal-bażilika Ġorġjana u direttur spiritwali tas-Soċjetà La Stella, bħal-lum sena, wara li ġie mitlub mill-komunità Franġiskana Konventwali ta’ beltna biex jinseġ il-paniġierku fis-solennità liturġika ta’ l-Immakulata ċċelebrata f’dik il-knisja konventwali. L-omelija ta’ Mons. Farrugia qanqlet lil dawk kollha li semgħuha b’intelliġenza u b’qalb mimlija mħabba sinċiera lejn Marija Immakulata, il-“mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u bi tnax-il stilla madwar rasha”! Kif nistgħu aħna Ta’ l-Istilla ma nħossuniex ta’ l-Immakulata, l-Istilla tagħna!
 
Il-festa t-tajba lill-ulied kollha ta’ Marija Immakulata, f’Għawdex u f’Bormla, u lill-Ġorġjani, f’dan il-jum glorjuż tas-solennità ta’ Marija Immakulata, iż-żîna Marjana ewlenija tal-belt Victoria u tal-gżira tagħna.
 
* * *
 
 
Paniġierku f’ġieħ l-Immakulata Kunċizzjoni
Knisja tal-Franġiskani Konventwali, Victoria
8 ta’ Diċembru 2007
 
minn Mons. Ġużeppi Farrugia
arċipriet emeritu u direttur spiritwali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella
 
 
“Spe salvi facti sumus!” “Bit-tama ksibna s-salvazzjoni!”
Pawlu lir-Rumani
 
 
I
“Spe salvi facti sumus!”. Bit-tama ksibna s-salvazzjoni!  Dik it-tama li fil-bidu taż-żminijiet tnisslet minn wegħda: il-wegħda li biha Alla farraġ lil Adam u Eva mwaqqa’ fit-tiġrib.  Il-wegħda li biha Alla werwer lis-serpent li ġarrabhom meta qallu: “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek!”.
 
“Spe salvi facti sumus!”.  Bit-tama ksibna s-salvazzjoni!  Dik it-tama li fil-milja taż-żminijiet saret storja umana: l-istorja ta’ Alla li twieled bniedem bħalna, wild il-mara mħabbra fil-ġnien ta’ l-Għeden.
 
Dik it-tama li fil-milja taż-żminijiet saret don mogħti lilna: id-don ta’ Alla mħallat magħna, tabib tal-mard tagħna, ħellies ta’ imgħoddi li filiġna u awtur ta’ ġejjieni li qatt ma ħlomna li jixirqilna.
 
Dik it-tama li fil-milja taż-żminijiet saret il-fidi li tgħaqqadna f’merħla, tiġmagħna f’poplu u ssawwarna f’eżerċtu qalbieni maqbud ma’ l-għadu tal-qedem f’taqbida għall-mewt, imma li fiha diġà xirfet ir-rebħa tal-ħajja – għax f’din it-taqbida, fuq in-naħa tagħna, hemm ir-Rebbieħ imexxina… u r-Rebbieħa tħarisna!
 
Rah lir-Rebbieħ, Isaija, l-akbar fost il-profeti tar-Rabta l-Qadima, u, għad-dehra tar-Rebbieħ ruħu qabżet bil-faraġ tat-tama tant mixtieqa: Quis est iste qui venit?”, “Min hu dan li ġej… bi ħwejġu ħomor, imżejjen… (u) miexi fil-milja tal-qawwa?”.
 
U ma’ ġenb ir-Rebbieħ, lemaħha l-aqwa wieħed fost l-għannejja li tawna l-Kotba Mqaddsa lir-Rebbieħa, u nfexx f’kelmiet ta’ għaġeb: Quæ est ista quae progreditur quasi aurora?”, “Min hi din li tielgħa bħaż-żerniq, sabiħa bħall-qamar, tiddi bħax-xemx, tal-biża’ bħal eżerċtu mħejji għat-taqbida!”.
 
Iva, kelmiet ta’ għaġeb, kelmiet ta’ faraġ, kelmiet ta’ tama!
 
“Spe salvi facti sumus!”.  Bit-tama – b’din it-tama li dehret fil-bidu taż-żminijiet, u fil-milja tagħhom – ksibna s-salvazzjoni, u bl-istess tama nibqgħu niksbuha!  It-tama li fit-temma taż-żminijiet sa ssir spettaklu ta’ grazzja meta fil-għoli jidher is-sinjal il-kbir ta’ Ġerusalemm tas-sema: “Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ tnax-il stilla madwar rasha”.
 
“Mulier amicta sole…”.  Mara liebsa x-xemx!  Jiġifieri, fi kliem Benedittu XVI, “liebsa b’Alla”!
 
Erfgħu raskom, ħuti, u ħarsu lejn “il-mara liebsa b’Alla”!  L-Immakulata: il-mara tal-wegħda, li fiha l-wegħda mtliet bl-ewwel milja tal-grazzja!  L-Immakulata: il-mara ta’ l-istorja, li fiha l-istorja tfarrġet bl-isbaħ rebħa tal-grazzja!  L-Immakulata: il-mara ta’ l-eternità, li fiha l-eternità tkabbret bl-akbar trijonf tal-grazzja!
 
“Spe salvi facti sumus!”.  Bit-tama ksibna s-salvazzjoni, qal Pawlu lir-Rumani fis-sena 58wK, u bl-istess kelmiet ta’ l-Appostlu jagħtina xhieda l-lum is-suċċessur tiegħu u ta’ Pietru f’Ruma, l-imqaddes missierna Benedittu XVI.
 
Iva, bit-tama ksibna s-salvazzjoni, u ta’ din it-tama inti, l-Immakulata, l-ewwel ħabbâra! Inti, l-Immakulata, l-isħaħ rahan!  Inti, l-Immakulata, l-akbar wirja u l-isbaħ waħda!
 
 
II
 
Kif tafu, Reverendissmu Monsinjur, maħbub Patri Gwardjan, ħuti fis-saċerdozju, ħuti fi Kristu, jiena midħla sew tal-bażilika ta’ San Ġorġ.
 
U jiena m’għandix dubju li intom, midħla tagħha bħali, tafu wkoll bil-qima li l-Verġni Mbierka tgawdi f’dik il-knisja parrokkjali ta’ beltna.  Marija tixref minn fuq kull altar, u kull rokna tal-bażilika Ġorġjana hija mdandna biha.  Hemm, imma, rokna minnhom li hija partikularment misterjuża!  Hija l-kwadru mpitter minn Stefano Erardi u li juri l-Appostlu Missierna San Pawl għarrkubbtejh iqim l-Immakulata, b’għajnejh merfugħa jikkontemplaw il-misteru tagħha.
 
Issa San Pawl, li hu fost l-awturi sagri li taw l-akbar kontribut għall-formazzjoni tat-Testment il-Ġdid, huwa fosthom l-aktar skars fil-kitba tiegħu fuq Marija.  Dan minkejja li tiegħu – fl-ittra lill-Galatin – hija l-eqdem xhieda tas-sehem tagħha fl-istorja tas-salvazzjoni, fejn jgħid: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi” – jiġifieri lilna.
 
Madankollu – wara li għidna dan – irridu ngħidu wkoll li minn ebda awtur tal-Kotba Mqaddsa daqs minn San Pawl ma xorbot il-Marjoloġija, għax tabilħaqq, li ma kienx għall-Kristoloġija, is-Soterjoloġija u l-Ekkleżjoloġija tiegħu qajla kien jasal il-jum il-kbir tat-8 ta’ Diċembru 1854 meta l-papa Piju IX, bl-awtorità tiegħu ta’ Vigarju infallibbli ta’ Kristu fuq l-art, ipproklama solennement id-domma ta’ l-Immakulata.
 
Ejjew, il-lum, aħna, hawnhekk miġmugħa, niġbru f’imħabbitna l-istorja twila ta’ fidi sempliċi u mħabba popolari lejn l-Immakulata li, minn żmien l-Appostlu Pawlu, fuq medda ta’ elfejn sena, bħal mewġa kibret u ssaħħet sa meta l-Knisja Kattolika semgħet, l-ewwel f’qalbha fil-belt ta’ Ruma, u mbagħad f’widnejha ġol-grotta ta’ Lourdes, il-kelmiet ta’ Marija: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni”.
 
Ejjew, il-lum, aħna, li ninsabu f’din il-knisja, li proprju għax Franġiskana hi kollha kemm hi Marjana, inxandru t-twemmin tal-Knisja Kattolika fuq Marija. Aħna nemmnu li l-imqaddsa dejjem verġni Marija hija l-Omm ta’ Alla magħmul bniedem. Aħna nemmnu li Marija Omm Alla, għax hekk kien jixraq, hija l-Assunta bir-ruħ u l-ġisem fis-sema.  Aħna nemmnu li Marija Omm Alla hi Assunta proprju għax hi l-Immakulata, jiġifieri l-Imnissla bla ebda tebgħa ta’ dnub u l-Mimlija bil-grazzja.
 
Privileġġ singulari, dan ta’ l-aħħar, ħuti, li l-Franġiskani Konventwali kienu l-interpreti awtentiċi tal-fidi popolari fih u l-appostli ewlenin tal-promulgazzjoni tiegħu bħala verità ta’ Fidi Kattolika.
 
Iva, ejjew, il-lum, aħna, l-ulied spiritwali ta’ l-Appostlu Missierna, nixxiebhu miegħu fil-qima li l-Knisja tagħti lill-Immakulata, u ejjew ningħaqdu miegħu fil-kontemplazzjoni tad-dehra li, meta kien għadu fuq din l-art, kellu tal-ġenna (2 Kor 12:2-4), l-istess dehra li ngħata minn Patmos Ġwanni l-Evanġelista, id-dehra ta’ l-Immakulata: Imtajra fuq ġwienaħ il-grazzja ta’ Kristu, Rebbieħa fuq is-serpent misħuq minnu, u Mżejna b’kuruna ta’ tnax-il stilla madwar rasha.
 
Tnax-il stilla jqimuha.  Tnax-il stilla jxandruha.  Tnax-il stilla jirrivelawhielna u jiddu fuqna, tnax-il stilla li – skond pjetà popolari Medjevali – l-Appostlu Pawlu ra fil-ġenna, u li (intenni) is-suċċessur tiegħu u ta’ Pietru f’Ruma, Benedittu XVI, jissuġġerilna nikkontemplaw meta, fl-ittra enċiklika tat-30 tax-xahar li għadda Spe salvi, jippreżentalna lil Marija bħala l-Istilla tat-Tama li tiddi fuqna u tmexxina.
 
“Spe salvi facti sumus!”.  Bit-tama ksibna s-salvazzjoni!  It-tama li minn tnax-il stilla tiddi fuqna.
 
 
III
 
Iva!  Ħa jiddu fuqna t-tnax-il stilla tat-tama, ħa jibdluna fil-misteru li jridna nkunu Kristu, aħna, li ismijietna huma miktuba  fis-sema, u ħa jibdluna t-tnax-il stilla f’kanturi ta’ l-Immakulata.
 
Inkantaw, għalhekk, flimkien mal-Knisja Universali, flimkien ma’ l-Ordni Franġiskan f’dan l-imkien tar-Rabat sa mill-qedem ħaj u lejn il-Knisja leali, flimkien mal-kor Laudate Pueri tal-bażilika tagħna, il-bażilika Ġorġjana…
 
Ħa nkantaw, iva, għal tnax-il darba, is-sliem ta’ l-Immakulata: Stilla ta’ Ħajja! Stilla ta’ Mħabba!  Stilla ta’ Ħniena!  Stilla ta’ Safa!  Stilla ta’ Barka!  Stilla ta’ Fidi!  Stilla ta’ Ferħ!  Stilla ta’ Sbuħija!  Stilla ta’ Qdusija!  Stilla ta’ Xhieda!  Stilla ta’Qawwa!  Stilla ta’ Glorja!
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla tal-Ħajja!
Int, li inti kollok kemm inti Ħajja, Omm il-ħajja u Qaddejja tal-ħajja!
 
Iva, Marija, int kollok kemm int Ħajja, għax int kollok kemm int ta’ Alla li fih ma hemm ebda mewt, għax Alla m’hux Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin.  Int kollok kemm int Omm il-ħajja, għax Alla, Missier il-ħajja, għamlek Eva l-ġdida, omm il-ħolqien il-ġdid, li minnek ħa l-ħajja dak li hu Sid il-ħolqien u Sid il-ħajja.  Int kollok kemm int il-Qaddejja tal-ħajja, inti t-triq tal-ħajja fuq l-art, inti l-bieb għall-ħajja fil-ġenna.
 
Iddi fuqna, Stilla tal-Ħajja, imliena bit-tama tal-ġenna, daħħalna fl-għamara tal-ħajja, fil-ġonna ta’ l-imħabba.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Mħabba!
Int, li inti l-ewwel frott tal-ħajja, int sirt l-akbar qaddejja ta’ l-imħabba: qaddejja ta’ l-imħabba qabel Ibnek, wara Ibnek u għal dejjem f’Ibnek!
 
Ta’ l-imħabba inti dhert fostna bħala l-qaddejja qabel Ibnek, li ġie fostna mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għalina.  Inti, ta’ l-imħabba, bqajt qaddejja wara Ibnek, skond kelmtek: “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej!”.  U qaddejja ta’ l-imħabba li tifdi, ta’ l-imħabba li tfarraġ, ta’ l-imħabba li tfejjaq, ta’ l-imħabba li terfa’ lejn is-sema, inti għadek f’Ibnek.
 
Iddi fuqna u saħħaħna bit-tama li ssalvana, Stilla ta’ l-Imħabba, u iġbidna, għall-ħniena ta’ Ibnek, lejn Ibnek.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Ħniena!
Inti taf x’inhi ħniena għax ħadd bħalek minn fost ulied il-bnedmin ma tfarraġ fil-ħniena bla qies ta’ Alla!
 
Fik twettqu l-wegħdiet u ntweriet il-ħniena ta’ Alla mal-poplu tiegħu, Israel.  Bik il-ħniena mixtieqa tal-Mulej faret f’sura wisq akbar minn dik mistennija, u waslet fostna f’dawn il-gżejjer u fost kollha kemm huma l-ġnus.  Minħabba fik ma naqset qatt il-ħniena ta’ Alla magħna: ħniena fin-niket, ħniena fit-tiġrib, ħniena fit-tbatija, ħniena fil-qtigħ il-qalb, ħniena fis-siegħa tal-mewt tagħna.
 
Iddi dejjem fuqna, Stilla ta’ Ħniena, imliena bit-tama ta’ Ibnek u, għall-ħniena ta’ Ibnek, saffina minn kull ma jifridna minnek u minnu.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Safa!
X’hemm fil-ħolqien, Marija, li hu safi bis-safa tiegħek, għajr Ibnek, il-Ħaruf safi u bla tebgħa, li għamlek!
 
Ried is-safa tiegħek il-Missier meta qal: “Ibni jsir bniedem…  Għandu bżonn ta’ omm…  Nagħżel għalih omm minn fost ix-xbejbiet ta’ Israel…  Lil min nagħżel?   Iva! Lix-xbejba ta’ Nazareth!  Jixirqilha!  Ħa nagħmilha, mela, omm xierqa għal Ibni!  Ħa nagħmilha… l-Immakulata!”.
 
Alla nisslek Immakulata, bla tebgħa ta’ ħtija oriġinali, Marija!  U inti bqajt Immakulata, bla tebgħa ta’ dnub!  U għamiltu għax ridt tibqa’ biss ta’ Alla, sinjura biss b’Alla, liebsa biss b’Alla!
 
Saffina minn kull ma jbegħida minn Alla, Stilla tas-Safa, u agħmilna sinjuri biss bid-don ta’ Alla, bit-tama tas-salvazzjoni minn Alla, bil-barka ta’ Alla.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Barka!
Iva, inti stilla għall-barka li rċivejt u għall-barka li ssawbet fuqna permezz tiegħek.
 
Imbierka inti, Verġni Mbierka, u mberkin aħna bik!  Għax meta Alla għażel lilek, Alla għażel ukoll lilna!  Meta Alla ħelsek minn kull tebgħa ta’ dnub tan-nisel, hu qatagħha li jeħles ukoll lilna!  Meta Alla bierek lilek, hu ddigrieta li jbierek ukoll lilna.  Il-barka tiegħek, Verġni Mbierka, hi barka għall-bnedmin kollha!
 
Roxx fuqna l-barka ta’ Alla, Stilla ta’ Barka smewwija, berikna bil-ġid tiegħek, agħmel minna ġid li jbierek ’l Alla, u saħħaħna fil-fidi u t-tama fil-providenza tiegħu!
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Fidi!
Ta’ l-għaġeb il-Fidi tiegħek!  Dik li nebbħet lill-Missier biex jagħżel lilek ħalli tkun Omm Ibnu magħmul bniedem!  Dik li għaqqditek ħaġa waħda ma’ Ibnek fit-taqtigħa kontra s-serpent tal-qedem, fir-rebħa tal-fidwa!  Dik li għamlet minnek xempju għal dawk – jiġifieri għalina – il-mifdija, fil-ħajja tal-fidi.
 
Xempju hu għalina, Ibnek, fil-kelmiet li jirrivelaw l-imħabba tiegħu għalina: “Hawn jien ġej…”.  U mhux inqas xempju inti Int, l-Aktar Qaddisa, fil-kelmiet li jirrivelaw il-fidi tiegħek f’Ibnek u l-fiduċja tiegħek fina: “Hawn jien…”.
 
Feraħ, bir-raġun, l-Ispirtu s-Santu, għall-fidi tiegħek, u qal għalik, b’fomm Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet!”.
 
Iddi fuqna, Stilla ta’ Fidi, u kattar fina l-Fidi li, bit-tama tas-salvazzjoni, tagħmilna hienja.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Hena!
Lilek, Marija, kulħadd isejjaħlek “hienja”!
 
Isejjaħlek hienja l-Ispirtu s-Santu meta – niftakru mill-ġdid! – b’fomm Eliżabetta jqim il-fidi tiegħek: “Hienja dik li emmnet!”.  Għax “hienja” kien diġà sejjaħlek il-Missier, permezz ta’ l-anġlu: “Kaire!”, “Ifraħ!”.  U hienja, tant drabi, isejjaħlek Ibnek, li bla dubju – qabel kulħadd – kellu lilek fi ħsiebu meta fuq il-muntanja xandar dawk il-veritajiet li strambi daqshom qatt ma xxandru fl-istorja tal-bnedmin: “Henjin il-fqar fl-ispirtu…  Henjin dawk li huma safja f’qalbhom…  Henjin dawk li jitnikktu…”.
 
Iddi fuqna, Stilla ta’ l-Hena liema bħalu, dewwaqna l-faraġ tiegħek, ħa nsiru bħalek stilel hienja, stilel ta’ tama għal xulxin, stilel ta’ sbuħija li jżejnu mhux biss l-art imma wkoll is-sema.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Sbuħija!
Kif jista’ jkun li ma tkunx sbejħa, Immakulata, ladarba wiċċ Alla jiddi fuq wiċċek, ladarba Ibnek li ssawwar mill-ġisem tiegħek hu l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, ladarba l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla jistqarrek: “Kollok sabiħa, u ebda nikta ma hemm fik…”.
 
Sbejħa int, Imqaddsa Marija, fid-dehra tiegħek!  Kollok ġmiel f’ruħek!  U splendur, int, fil-qdusija tiegħek!
 
Sebbaħna bi ġmielek, Stilla ta’ Sbuħija, u agħmel minna, ulied dinja li tilfet it-tama f’dak li hu tassew sabiħ… agħmel minna xandâra tal-ġmiel u l-qdusija tiegħek!
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Qdusija!
Qaddisa int, il-ħabiba ta’ Alla!  L-aktar qaddisa int, il-ġuf ta’ Alla!  Kollok qaddisa int li int l-għaġna ta’ Alla!  Iva, inti kollok kemm int qaddisa!
 
Inti kollok qaddisa sa mill-ewwel mument tat-tnissil tiegħek, int li Alla ddigrieta l-fidwa tiegħek skond il-perfezzjoni li ried minnek.  Inti kollok qaddisa, Int, u kbirt fil-perfezzjoni tal-qdusija tiegħek bla ma qatt waqajt lura fil-mixja tiegħek lejn il-qdusija perfetta li biha Alla ried iżejnek.  Inti kollok qaddisa, u ebda qdusija ma tisboq lil tiegħek, għax kull qdusija tilħaq il-perfezzjoni tagħha fik.
 
Qaddisna, Stilla tal-Qdusija, lilna, li isimna, il-Feddej Divin tagħna, kitbu wkoll fis-sema: isimna żîna għal ismek; imma wisq aktar minn hekk, ismek żîna għal isimna u xhieda tal-qdusija ta’ Alla.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Xhieda!
Inti kollok kemm int ġrajja ta’ xhieda.  Xhieda mill-aktar singulari!  Xhieda mill-aktar eminenti!  Xhieda mill-aktar splendenti!
 
Xhud singulari ta’ l-istima li Alla għandu tagħna, int, Immakulata, fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Ibnek!  Xhud eminenti ta’ l-imħabba li biha Alla jħobbna, imħabba li wasslitu biex imut għalina, int, Immakulata, fil-misteru tar-Redenzjoni!  Xhud splendenti tax-xewqa li Alla għandu tagħna, int, Immakulata, fil-misteru tal-Glorifikazzjoni, tant li f’Ibnu Alla ħejja għalina għamara ħdejh, u ħdejk, fil-ġenna.
 
Saħħaħna bix-xhieda tiegħek, Stilla ta’ Xhieda, u ibdilna f’xhieda miegħek ta’ l-istima, l-imħabba u x-xewqa li Alla għandu tagħna l-bnedmin.
 
Is-sliem għalik, Immakulata, Stilla ta’ Qawwa!
Ta’ l-għaġeb qawwietek!  Iva, ta’ l-għaġeb, Marija, il-qawwa tiegħek!
 
Qawwa pprefigurata fin-nisa eroj ta’ Israel!  Qawwa kkontestata mis-serpent tellief fit-taqtigħa tiegħu miegħek!  Qawwa mġarrba taħt is-Salib kiefer ta’ Ibnek!  Qawwa kkonfermata fis-setgħa tat-talb tiegħek!
 
Tabilħaqq, ta’ l-għaġeb qawwietek, proprju fit-talb tiegħek.  Tersaq lejn ibnek, tgħidlu li l-għarajjes ta’ Kana ma kellhomx imbid… u t-talba tiegħek tagħmel il-ħolqien, it-talba tiegħek iġġib il-faraġ, it-talba tiegħek timla l-qlub bil-ferħ u turi l-glorja ta’ Alla.
 
Dewwaqna dejjem, Stilla ta’ Qawwa, il-faraġ tat-talb setgħan tiegħek, imliena bit-tama f’qawwietek ħalli għad nogħxew fil-glorja interċeditriċi tiegħek.
 
Fil-glorja tiegħek, iva, insellmulek għat-tnax-il darba, Immakulata, Stilla ta’ Glorja!
Glorja int, f’kull ma int!  Glorja lilek, għal kull ma sar bik!  Glorja jkanta kull ma jidher fik!
 
Kull ma int, Bint Immakulata ta’ Alla, ikanta l-glorja ta’ Alla!  Kull ma int ikanta l-glorja tar-rebħa glorjuża fuq is-serpent tal-qedem li ried jaħtfek, anki jekk għal waqt wieħed biss, biex ikun seraq imqar l-iċken nikta mill-glorja ta’ Alla, u jkun umilja lil Alla.
 
Kull ma sar bik ikanta l-glorja ta’ l-Iben ta’ Alla, Omm Immakulata, imma jkanta wkoll il-glorja tiegħek!  Kull ma sar bik ixandar il-glorja tal-Feddej tal-bnedmin u ta’ l-istorja, glorja li għadha trid tidher, imma li sejra tabilħaqq tidher, għax il-glorja ta’ dak li sar bik u li jidher fik trid tasal għall-perfezzjoni fina.
 
U jekk kull ma int ikanta l-glorja ta’ Alla l-Missier, u jekk kull ma sar bik ixandar il-glorja tal-Feddej,… kull ma jidher fik ikabbar il-glorja tal-Knisja li tagħha, Sultana Immakulata, inti l-wirja l-aktar splendenti.
 
Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja, matul l-elfejn sena ta’ storja, fittxet li tgħarrex fil-misteru tiegħek, stinkat biex tiskopri l-verità fuqek, u tkabbret ixxandar il-grazzja tiegħek!  Le, mhux ta’ b’xejn, għax il-Knisja taf li fil-grazzja tiegħek sa ssib hi l-grazzja li biha Alla jrid iżejjinha.
 
Il-grazzja tat-tnissil bla tebgħa tiegħek, Marija Immakulata, hija mhux biss iż-żîna tiegħek imma wkoll tal-Knisja.  Il-milja tiegħek skond l-istess grazzja, Mimlija bil-grazzja, hija mhux biss iż-żîna tiegħek imma wkoll tal-Knisja!  Imma l-Knisja taf ukoll li kull grazzja hija tagħha, għax hija tiegħek.
 
 
IV
 
U għalhekk, is-sliem għalik, Immakulata!  Għal tnax-il darba Stilla!  Iva, Stilla ta’ Glorja!  Stilla ta’ Qawwa!  Stilla ta’ Xhieda!  Stilla ta’ Qdusija!  Stilla ta’ Sbuħija!  Stilla ta’ Ferħ!  Stilla ta’ Fidi!  Stilla ta’ Barka!  Stilla ta’ Safa!  Stilla ta’ Ħniena!  Stilla ta’ Mħabba!  Stilla ta’ Ħajja!
 
Imma fuq kollox, is-sliem għalik, Immakulata, Stilla tal-Grazzja!  Inti li Alla għamlek kollok kemm int grazzja!  Inti li Alla mliek mhux biss bil-grazzja, imma tabilħaqq bl-Awtur tal-Grazzja.  Inti li Alla libbsek bl-ifjen safa tal-grazzja, bl-akbar ġmiel tal-grazzja, l-ogħla qdusija tal-grazzja…  Int, li Alla libbsek bih innifsu!
 
Misteru ta’ l-għaġeb!  Misteru ta’ faraġ!  Misteru tat-tama li biha ksibna s-salvazzjoni!
 
 
V
 
“Spe salvi facti sumus!”. Bit-tama ksibna s-salvazzjoni!
 
Inti, Immakulata, il-mara tal-wegħda tagħna, li fiha l-wegħda mtliet bl-ewwel milja tal-grazzja!
 
Inti, Immakulata, il-mara ta’ l-istorja ta’ l-umanità, li fiha l-istorja tfarrġet bl-isbaħ rebħa tal-grazzja!
 
Inti, Immakulata, il-mara ta’ l-eternità mwiegħda lilna, li fiha l-eternità diġà tkabbret bl-akbar trijonf tal-grazzja!
 
“Spe salvi facti sumus!”.  Bit-tama, li inti r-Rivelazzjoni tagħha, ksibna s-salvazzjoni!
 
Ħallina nifirħu bik, il-lum, lilna, hawnhekk miġbura madwarek, għad-dija tal-ġmiel li bih ix-xbieha tiegħek timliena bil-ferħ tas-sema!
 
Ħallina f’din l-għodwa lilna, hawnhekk miġmugħa, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, nifirħu miegħek!
 
Ħallina, lilna, hawnhekk magħquda fl-imħabba tiegħek, nifirħu għalik u nsellmulek.
 
Insellmulek, Immakulata, Trijonf ta’ grazzja!  Insellmulek, Immakulata, splendur ta’ safa!  Insellmulek, Immakulata, spettaklu ta’ qdusija!  Insellmulek, Immakulata, stilla ta’ glorja!  Insellmulek, Immakulata, Tama tas-Salvazzjoni tagħna!
 
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!  U tkun imfaħħra int, Ommna Immakulata!