Join Us On:

News Archive

STILLA FI STILLA

Hekk dejjem sejjħulek missirijietna u hekk insejħulek aħna għax inti verament “Stilla fi Stilla”, “Inti l-unur tal-Poplu tagħna”.
 
Huwa ta’ unur għalina l-Ġorġjani li f’dan il-jum hekk għażiż nilqgħuk fil-bieb ta’ darek bħalma ġara l-bieraħ filgħaxija permezz tal-Banda tagħna. Bħas-soltu kienu ħafna dawk li ħarġu biex ma jitilfux l-okkażjoni li jarawk fostna, minkejja li t-temp kien wieħed inċert sa minn kmieni filgħodu. Filfatt ħafna mill-armar li kien hemm imħejji għal din is-sena baqa’ ma ħariġx minħabba t-theddida tax-xita u tar-riħ.
 
Hekk wara s-servizz tal-Erbgħa, il-Banda La Stella kompliet bis-sehem tagħha billi daqqet l-innu Lodate Maria, mużika tas-surmast G. Flamingo, waqt il-ħruġ solenni fil-bieb tal-Knisja Konventwali. Peress li kien hemm it-theddida tax-xita u r-riħ ġie deċiż li l-purċissjoni tieħu forma ridotta minflok it-triq tas-soltu. Hekk kif indaqq l-innu, l-Gwardjan ħabbar li l-purċissjoni kienet se ddur mal-funtana ta’ Pjazza San Franġisk filwaqt li jingħad ir-Rużarju Mqaddes u bejn strofa u oħra l-Banda La Stella ddoqq innijiet Marjani tal-okkażjoni. Filfatt l-bandisti ħadu posthom fuq iz-zuntier tal-Knisja minn fejn daqqew numru ta’ innijiet. Il-Banda kienet taħt id-direzzjoni tal-assistent surmast direttur, Mro. Noel Beck.
 
Il-jum tat-8 ta’ Diċembru kien importanti wkoll għall-bandist novell George Mallia li ħareġ għall-ewwel darba. George huwa l-ħames ġenerazzjoni tal-familja tiegħu fil-Banda La Stella. Filfatt sa llum il-ġurnata għad hemm idoqqu missieru Robert u n-nannu Nazzareno Galea. Nieħdu din l-okkażjoni biex nawguraw lil George ħafna snin ta’ servizz mal-Banda tagħna. Huma nies bħal dawn li jkomplu jkabbru l-isem tal-Banda tagħna u huwa dejjem ta’ pjaċir għalina naraw tfal jitgħallmu l-mużika u jkabbru t-talenti tagħhom.
 
(Ritratti: Joe Attard)