STILLA DINJIJA GĦALL-PARTI PRINĊIPALI TAL-OPRA TA’ TEATRU ASTRA F’OTTUBRU
Il-kantanta ta’ fama dinjija Daniela Dessì se tkun qed tinterpreta l-parti prinċipali fil-produzzjoni ta’ Madama Butterfly li se ssir minn Teatru Astra fil-25 u fis-27 t’Ottubru, bħala parti mill-11-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea.
Daniela Dessì, li s’issa kantat fl-aqwa teatri tal-opra madwar id-dinja inkluż fit-teatru La Scala f’Milan, fit-Teatro dell’Opera f’Ruma, fl-Arena ta’ Verona, fil-Metropolitan fi New York, fit-teatru Lyric Opera ta’ Chicago, f’Teatro Real ta’ Madrid kif ukoll f’Tokjo, fil-Gappun, taħt direzzjoni mużikali tal-aqwa surmastrijiet fosthom Riccardo Muti, Claudio Abbado, James Levine u oħrajn, hi kkunsidrata bħala waħda mill-aqwa stilel li toffri d-dinja tal-opra bħalissa.
It-talent vokali eċċezzjonali tagħha, il-ħila teknika li għandha u l-interpretazzjoni li tat lil iktar minn 70 rwol li s’issa kantat jintlaqgħu b’entużjażmu kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-kritika. Hi magħrufa għall-interpretazzjoni straordinarja tagħha fejn tidħol l-opra b’mod partikolari dik Taljana, imma wkoll għas-sehem tagħha f’kunċerti, kantati u oratorji ta’ Mozart, Gluck, Handel u Vivaldi, b’repertorju mill-iktar wiesgħa, kif kienet s’issa varjata l-karriera affaxxinanti tagħha li tisboq it-30 sena.
Daniela Dessì hi meqjusa bħala sopran b’vuċi unika, karatterizzata minn stil eleganti, ċar u mill-iktar espressiv. Jirnexxilha tagħti interpretazzjoni mill-iktar emozzjonanti lill-mużika ta’ Puccini u kemm-il darba l-interpretazzjoni tagħha ntlaqgħet minn applaws twil għal numru konsiderevoli ta’ minuti.
Sal-aħħar ta’ Frar, Daniela Dessì kienet qed tinterepreta b’success il-parti ta’ Cio-cio-san f’Madama Butterfly ta’ Puccini fit-Teatro dell’Opera f’Ruma, rwol li se terġa’ tkanta f’Teatru Astra hekk kif jinfetaħ l-istaġun kulturali bil-11-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea.
Teatru Astra hu kburi li rnexxielu jakkwista s-servizzi ta’ din l-istilla dinjija li se tkun qed tkanta għall-ewwel darba f’opra f’Malta, opportunita’ għall-udjenza lokali biex ikollha esperjenza mużikali unika b’mod dirett filwaqt li isem Daniela Dessì se jservi biex iħajjar iktar turisti kulturali għall-gżira t’Għawdex u għal Malta b’mod ġenerali.
L-artisti l-oħrajn li se jiffurmaw il-kast tal-opra, kif ukoll il-programm sħiħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea jitħabbru iktar tard.
Il-Booking hu miftuħ għaż-żewġ serati tal-opra Madama Butterfly f’Teatru Astra fil-25 u fis-27 ta’ Ottubru. Min jixtri biljett tal-opra bħalissa jista’ jgawdi minn offerta ta’ roħs sostanzjali fuq il-biljetti ta’ serata oħra, il-Ġimgħa 26 t’Ottubru, Tango Emociòn, attivita’ separata li ġġib flimkien il-kanzunetta, il-mużika u l-passjoni, bis-sehem tal-mezzo-sopran Rumena Oana Andra, u li se tkun qed iddur l-Ewropa f’dawk iż-żmenijiet. Iktar informazzjoni tinkiseb minn www.mediterranea.com.mt jew 21550985 / 79256897.
(Ritratt: Nicola Allegri)