STAĠUN TEATRALI MILL-AQWA
L-istaġun teatrali 2008/2009 li ser jiftaħ il-ġimgħa d-dieħla fit-teatru Astra permezz taż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Turandot, ser ikun wieħed mill-aqwa. Fil-fatt fix-xahrejn li ġejjin ser ikollna xejn inqas minn erba’ produzzjonijiet li jvarjaw minn opra, kunċerti u spettaklu ta’ żfin. L-ewwel li ser jittellgħu huma ż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Turandot bis-sehem ta’ solisti ta’ fama internazzjonali kif ukoll tal-orkestra filarmonika nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Professur Joseph Vella. Wara l-opra jkun imiss il-kunċert fenomenali live ta’ Amedeo Minghi, is-Sibt l-1 ta’ Novembru. Is-Sibt 15 ta’ Novembru jkun imiss, spettaklu ieħor din id-darba ta’ żfin bit-tema Uniting Diversity min-Naupaca Dance Factory. Fir-raba’ Sibt ta’ Novembru, il-banda ċittandina u dekana La Stella ttella’ l-Programm Mużikali Annwali tagħha taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella – programm mużikali li jagħlaq is-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea.
Produzzjoni oħra li għandha tiġbed numru kbir ta’ tfal u ġenituri hija dik ta’ Barney Live – The Let’s Go Tour, nhar il-Ħadd 4 ta’ Jannar 2009. Din ser tkun okkażjoni unika għat-tfal Għawdxin li jaraw mill-qrib il-karattru ta’ Barney, BJ, Riff u Baby Bop li tant u tant huma għal qalbhom. Dan l-ispettaklu ser jittella’ ukoll fil-Belt Valletta ġewwa The City Theatre. Din hija produzzjoni tal-kumpanija Ingliża Premier Stage Productions. Din il-kumpanija li ser tinġieb f’pajjiżna mill-kumpanija teatrali Curtain Raiser f’kolloborazzjoni mas-Soċ. Filar. La Stella. Dan l-ispettaklu ta’ aktar minn 90 minuta ta’ kant u żfin mal-karattri simpatiċi ta’ Barney u sħabu bla dubju ser jiġbed lejn it-teatru tagħna folla kbira ta’ tfal ta’ etajiet differenti. Aktar informazzjoni fuq bejgħ ta’ biljetti fil-jiem li ġejjin.
Dan għadu biss il-bidu ta’ staġun teatrali mill-aqwa bejn Ottubru u Ġunju 2009. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jitħabbru wkoll produzzjonijiet oħra li ser jittellgħu fix-xhur li ġejjin ġewwa t-teatru Astra.