“SPLUŻJONI TA’ KULTURA, ARTI U SERJETÀ”
Bi pjaċir fil-ħarġa tal-ġurnal ‘l-orizzont’ tal-bieraħ innutajna artiklu miktub mid-deputat mexxej għall-affarijiet tal-Partit Laburista, Dr Toni Abela, fejn kien hemm referenza għaż-żjara tiegħu fil-festa tagħna. L-avukat Toni Abela ġie mistieden mill-amministrazzjoni tal-bażilika biex jattendi għall-pontifikal solenni ta’ jum il-festa mmexxi minn Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex. Minbarra l-avukat Abela, għall-pontifikal kellna diversi mistednin distinti fostna, fosthom il-President tar-Repubblika Dr Edward Fenech Adami, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, is-Segretarju Parlamentari Dr Chris Said, il-membri parlamentari Fredrick Azzopardi, Dr Justyne Caruana u Dr Anton Refalo, u s-Sindku ta’ beltna Robert Tabone. Għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jżuru dan is-sit, hawn taħt qed inġibu siltiet mill-kummenti li Dr Toni Abela għadda dwar din l-esperjenza fuq il-ġurnal ‘l-orizzont’.
“Sur Editur, għamilt sagrifiċċju kbir u lbist libsa filgħodu, fi sħana li tagħmel il-fwar. Iżda kien sagrifiċċju li ma jiddispjaċini xejn li għamiltu.
Il-Ħadd li għadda attendejt għall-Pontifikal ta’ San Ġorġ. Kienet okkażjoni fejn rajt splużjoni ta’ kultura, arti, serjetà mimlija reqqa, attenzjoni u dettaljata.
Kienet okkażjoni fejn smajt bi pjaċir il-mużika sagra, balzmu għall-widnejn, tal-Maestro Joe Vella u l-mod ġdid kif isir paneġirku mill-Isqof Mario Grech.
Kellu diskors frisk u mimli tagħlim teoloġiku, iżda ssimplifikat b’mod li kulħadd fehem x’ried jgħid. Tajt ħarsa madwari ħadd ma kien qiegħed jittewweb.
Prosit lill-Għawdxin kollha!”