SPETTAKULARI
Illum ser inkomplu nwasslulkom aktar aġġornamenti marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ iċċelebrata f’Għawdex matul il-ġimgħa li għaddiet. Imiss li nagħtu ħarsa lejn jum il-festa, il-Ħadd 19 ta’ Lulju; ġurnata oħra mimlija attvitajiet, funzjonijiet liturġiċi, marċi brijużi u fuq kollox il-purċissjoni solenni bl-istatwa titulari. Bħas-soltu jakkumpanjaw dan l-artiklu għandna numru sabiħ ta’ ritratti minn din il-ġurnata ta’ festa, grazzi għall-fotografu Joe Attard.
Kmieni l-Ħadd filgħodu erġajna bdejna bil-marċi, hekk kif fis-7.30am il-banda Ite ad Joseph tal-Qala’ bdiet marċ minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza San Ġorġ fejn hemm laqgħet il-wasla tal-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi u l-iSpeaker tal-Kamra tad-deputati Dr Louis Galea flimkien ma’ diversi membri parlamentari oħra li attendew għall-pontifikal solenni mmexxi minn Mons. Isqof Mario Grech.
Għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, hekk kif intemm il-pontifikal solenni, il-banda San Ġorġ Martri ta’ Ħal-Qormi bdiet il-marċ popolari li għadda lejn pjazza Indipendenza u mill-ġdid intemm fi Pjazza San Ġorġ. F’dan il-marċ ħadet sehem ukoll il-banda Santa Margerita ta’ Sannat. Iż-żewġ baned daqqew marċi mill-aktar popolari u brijużi u bħal dejjem inħoloq briju kbir mill-mijiet ta’ żgħażagħ preżenti. Għal darb’oħra reġa’ kellna attendenza kbira ħafna għal dan il-marċ grandjuż, kif jixhdu tajjeb ir-ritratti. Marċi brijużi, innijiet Ġorġjani, briju, kant, u ċapċip – dan kollu kkaratterizza l-marċ popolari tal-Ħadd filgħodu, marċ li bla ebda dubju jibqa’ l-aktar wieħed popolari fi gżiritna. Dan il-marċ reġa’ kkonferma, avolja ma tantx kien hemm bżonn, il-popolarita’ li tgawdi l-festa Ġorġjana f’Għawdex.
Filgħaxija ntlaħaq il-qofol tal-festi Ġorġjani bil-ħruġ tal-purċissjoni madwar it-toroq ta’ beltna. Il-ħruġ tal-purċissjoni bħal dejjem kien wieħed spettakulari. Mad-daqq tal-innu Georgius Natus Est l-istatwa ta’ San Ġorġ tfaċċat fil-bieb tal-bażilika fost iċ-ċapċip u l-entużjażmu tal-poplu Għawdxi li mela kull rokna tal-pjazza. Kien imiss li jindaqq l-innu l-kbir A San Giorgio Martire u hawn kull min kien preżenti seta’ jgawdi dik ix-xena impressjonanti tat-tixjir tal-palm hekk kif l-istatwa tintrefa fuq l-idejn fl-aħħar parti ta’ dan l-innu immortali – xena li hija tant sinonima mal-festa tagħna. Wara, l-banda sabet postha quddiem l-istatwa u matul il-purċissjoni daqqet numru ta’ innijiet Ġorġjani u innijiet oħra reliġjużi. L-istess emozzjonijiet li ħassejna fil-ħruġ tal-purċissjoni ħassejnihom fid-dħul trijonfali tagħha, hekk kif il-pjazza għal darb’oħra kienet maħnuqha bin-nies li ġew biex igawdu l-aħħar mumenti ta’ din il-festa ta’ Għawdex u jagħtu tislima lill-patrun u protettur setgħan tagħhom. L-innu "Ġorġi tagħna" indaqq diversi drabi fost il-kant u ċ-ċapċip kontinwu tal-folla preżenti – mument mill-aktar emozzjonanti li għalaq bl-akbar mod possibbli l-festi kbar ta’ din is-sena. Il-festi esterni ġew fi tmiemhom b’marċ brijuż mill-banda La Stella li beda minn quddiem il-każin La Stella u ntemm fi Pjazza San Ġorġ.
Inħallukom issa tgawdu l-isbaħ mumenti ta’ jum il-festa permezz tar-ritratti li qed jakkumpanjaw dan l-artiklu. Aktar kummenti dwar il-festi ta’ din is-sena fil-jiem li ġejjin.