SPETTAKOLARI …!
Il-bieraħ filgħaxija se tibqa’ mfakkra għas-suċċess li l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella għamlet fi Triq ir-Repubblika bil-kunċert RockAstra. It-tieni edizzjoni tal-kunċert laħqet il-qofol tagħha filgħaxija meta fid-9pm ingħata bidu għal spettaklu kbir ta’ mużika fost folla li ħonqot Triq ir-Repubblika. Is-siġġijiet ipprovduti mtlew sa minn kmieni u ħafna nies segwew il-kunċert minn fuq il-bankini u minn wara nett bilwieqfa. Il-kunċert kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Sigmund Mifsud u minbarra l-banda tagħna ħadu sehem fih diversi kantanti stabbiliti. Naturalment wieħed irid jgħid grazzi kemm lill-bandisti li għamlu sagrifiċċji kbar matul l-aħħar ġimgħat, lill-kumitat ċentrali li ħabrek ħafna fl-organizzazzjoni, lill-isponsors u d-diversi ministeri li għenuna, lill-Kunsill tal-Belt Victoria u naturalment lis-Surmast Sigmund Mifsud li mexxa b’dedikazzjoni dan il-kunċert. Grazzi wkoll lill-pubbliku li bi ħġaru attenda u ddeverta f’din is-serata memorabbli li se tiżdied fil-kullana ta’ suċċessi tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella.
(Ritratti: Toni Farrugia)