Join Us On:

News Archive

SPETTAKLU TA’ MUŻIKA U KLASSI

Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju, ġewwa beltna ġie mfakkar Jum il-belt Victoria, bi programm mużikali mill-banda ċittadina La Stella, fuq inizjattiva tal-kunsill lokali tal-istess belt. Għal darb’oħra, dan il-kunċert mużikali kkonferma l-livell għoli li tippossjedi l-banda La Stella fejn jidħlu programmi mużikali. Dan kien programm ieħor li fih deher ċar l-impenn kollettiv ta’ kull bandist flimkien mas-surmast direttur, il-Prof. Joseph Vella, sabiex il-prodott finali kien dak li kien – kunċert impekkabbli ta’ livell, quddiem udjenza ferm numeruża, fil-pjazza ewlenija ta’ beltna.
 
Il-kunċert mużikali fetaħ bis-silta Free World Fantasy tal-kompożitur Olandiż Jacob de Haan. Wara din il-biċċa mużikali, kellna sensiela ta’ siltiet mużikali meħuda minn diversi films kbar li ħarġu matul dawn l-aħħar sittin sena – siltiet li ntlaqgħu ferm tajjeb mill-udjenza preżenti, ikkumplimentati ferm tajjeb bi dwal u projezzjonijiet mill-isbaħ, fuq skrin armat apposta.
 
L-għażla ta’ siltiet mid-dinja taċ-ċinema kienu jinkludu: The Da Vinci Code; Schindler’s List bis-solista, il-klarinettista Mario Galea; The Mask of Zorro; The Last of the Mohicans; Gabriel’s Oboe minn The Mission bis-solista, l-Ewfonista George Camilleri; The Lord of the Rings; Exodus; Gladiator; u fl-aħħar is-silta mill-film kolossali Ben-Hur.
 
Wara li f’Novembru li għadda s-Soċjetà tagħna fakkret l-erbgħin anniversarju mill-ħatra ta’ Joseph Vella bħala surmast direttur, ġie deċiż li dan il-programm jiġi fi tmiemu bl-aħħar kompożizzjoni miktuba mis-surmast Vella għall-banda: Ludus Tonalis – silta mill-isbaħ li ġabet fi tmiem kunċert ieħor li kif kien jixhed ismu: the best of the best…by the best!
 
Matul dan il-kunċert mużikali, sar ukoll intervent mis-sindku tal-belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi, li wara li għadda l-messaġġ tal-okkażjoni ppreżenta l-Onorifiċenza Ġieħ il-belt Victoria lil żewġ persunaġġi li għamlu isem lil beltna: Anton Farrugia bniedem li ta servizz kbir fil-qasam tal-edukazzjoni f’beltna; u Alvin Scicluna bniedem b’impenn professjonali fil-kamp tax-xandir nazzjonali.
 
Għal dan il-kunċert mużikali minbarra s-sindku u s-sinjura Azzopardi flimkien mal-kunsilliera l-oħra ta’ beltna kien hemm preżenti wkoll: l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex; l-Onor. Frederick Azzopardi, membru parlamentari; kif ukoll il-kumitat tas-Soċ. Filar. La Stella, immexxi mis-sur Paul Zammit. Is-serata ġiet ippreżentata mill-Kav. Joe. M. Attard.

Ritratti: Joe Attard