Join Us On:

News Archive

SPETTAKLU MINN ALISON WHITE DANCE STUDIO

Tkompli l-attività teatrali fit-Teatru Astra bis-sehem ta’ diversi kumpaniji li minn sena għal oħra jiġu għandna sabiex jagħmlu użu mis-sala ġdida fi ħdan il-kumpless tas-Soċjetà La Stella, teatru li għadu frisk bis-suċċess enormi miksub biż-żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ l-opra lirika ta’ Giuseppe Verdi ‘Macbeth’.

Wara li fil-ġranet li għaddew tħabbru d-dati taż-żewġ shows li ser itellgħu ‘Zoo Media & Entertainment’ fit-teatru tagħna, llum b’sodisfazzjon ser inħabbru spettaklu ieħor li ser jittella’ x-xahar id-dieħel.

Nhar is-Sibt 1 ta’ Diċembru it-Teatru Astra ser jilqa’ fih spettaklu uniku ta’ żfin ta’ kull ġeneru bis-sehem tal-kumpanija u skola taż-żfin ‘Alison White Dance Studio’, spettaklu li qiegħed jiġi mgħammed bhala ‘The Journey’. Alison White mhix personalità ġdida la ma’ l-Għawdxin u xejn anqas magħna tat-Teatru Astra.

Dan l-ispettaklu ta’ żfin jiġbor fih diversi dixxiplini fosthom ballet klassiku, jazz, hip-hop u anke dak kontemporanju. Ser jieħdu sehem madwar mitt żeffien u żeffiena, kollha studenti ta’ l-iskola ta’ Alison White. L-ispettaklu qiegħed jigi deskritt bħala wieħed raffinat b’ħafna kostumi u effetti speċjali ta’ dwal.

Din is-serata ta’ żfin ser tittella’ wkoll Malta fl-Auditorium ta’ Sant’ Agata ir-Rabat, Malta.

Kull dħul ser jiġi mogħti lill-‘Moviment Missjunarju Ġesu’ fil-Proxxmu’ sabiex jitkompla proġett ieħor mibdi minn Dun Ġorġ Grima, fundatur, fl-Etjopja.

Għaldaqstant minn din il-paġna nħeġġu lilkom sabiex tattendu għal dan l-ispettaklu uniku li għandna x-xorti nsegwu fit-Teatru Astra.