Join Us On:

News Archive

SPETTAKLU MILL-AQWA LEJLET IL-FESTA

L-impenji għall-banda ‘La Stella’ bdew minn kmieni filgħodu hekk kif intemm pontifikal solenni mmexxi mill-Arċisqof Emeritu ta’ Malta Mons. Ġużeppi Mercieca fil-bażilika. Il-banda għamlet marċ minn Pjazza San Ġorġ sal-każin La Stella – marċ li kien segwit minn reception għall-bandisti u n-nisa tagħhom, membri tal-kumitati fi ħdan is-Soċjetà ‘La Stella’ u diversi mistednin distinti oħra. Fil-fatt preżenti għall-dan ir-reception kellna magħna lill-ET Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex, Mons. Pawlu Cardona, arċipriet tal-bażilika urbana, Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu u direttur spiritwali tas-Soċjetà, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, is-Sur Robert Tabone, Sindku tal-belt Victoria u l-membri parlamentari Għawdxin Dr Anton Refalo u Dr Justyne Caruana. F’din l-okkażjoni saru wkoll xi preżentazzjonijiet fosthom mis-Sur George Grech, president onorarju tas-Soċjetà, li preżenta biċċiet mużikali ġodda lis-Soċjetà. L-għaqda ta’ l-armar preżentaw il-ktieb il-ġdid tagħhom lill-membri distinti li kienu mistiedna. Barra dan, il-president preżenta wkoll ktieb ta’ tifkira tal-festa ta’ din is-sena lill-mistednin distinti, u standard ta’ San Ġorġ lill-president tas-Soċjetà Mużikali ‘Nicolo Isouard’ tal-Mosta, Nazzarenu Vassallo. Anthony Zammit, f’isem il-grupp folkloristiku Astra preżenta wkoll ktieb ta’ tifkira lill-mistendnin distinti.

Intant għall-ħabta tas-sitta mill-ġdid il-banda ‘La Stella’ kienet impenjata b’servizz ieħor fejn din id-darba laqgħet il-wasla ta’ l-ET Mons Mario Grech, Isqof t’Għawdex u l-kapitlu tal-Kolleġġjata Lateranensi għat-Translazzjoni Solenni fil-maqdes Ġorġjan.

Filgħaxija mbagħad hekk kif intemm programm mużikali mill-banda ċittadina ‘King’s Own’ tal-belt Valletta, il-banda ‘La Stella’ sabet postha fuq il-planċier fejn esegwiet l-innu immortali ta’ Giuseppe Giardini Vella ‘A San Giorgio Martire’, bis-sehem tas-solisti u l-kor tas-Soċjetà. Ta’ min insemmu wkoll li waqt li ndaqq dan l-innu, il-banda ‘Prekursur’ tax-Xewkija, għamlet marċ għal pjazza San Franġisk, fejn hemm esegwiet programm mużikali. Eżattament wara beda marċ grandjuż miż-żewġ baned ċittadini minn Pjazza San Ġorġ lejn Triq ir-Repubblika, fejn hemm iż-żewġ baned qalb folol kbar ta’ nies, u fost spettaklu mill-aqwa ngħaqdu f’massed band u ndaqqu diversi marċi popolari u fuq kollox l-innu marċ ta’ Ciappara. Dan il-marċ singolari kien karatterizzat minn massa kbira ta’ nies u spettaklu grandjuż quddiem it-Teatru Astra, id-dar tas-Soċjetà mużikali dekana Għawdxija – spettaklu ta’ dwal, marċi, briju – festa grandjuża li bħalha naraw biss fil-festi f’ġieħ San Ġorġ f’beltna. Dan qaluh u jixhduh dawk l-eluf li kienu fostna, waqt dawn il-manifestazzjonijiet Ġorġjani kbar. Man-noti ta’ l-innu marċ “Ġorġi tagħna!”, hekk kif mhux biss il-Ġorġjani, imma ħafna minn dawk li ngħaqdu magħna kantaw dan l-innu tant u tant magħruf, niżel liżar enormi fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq ir-Repubblika bi xbieha tat-titular ta’ San Ġorġ Martri, xogħol Mattia Preti, l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ, ta’ Pietru Pawl Azzopardi, u l-‘George Cross’ bil-figura ta’ San Ġorġ fuqu, li nsibu fuq il-bandiera nazzjonali ta’ Malta. Barra dan kien hemm armata wkoll biċċa xogħol mill-isbaħ li tirrafigura l-arma tas-Soċjetà, bl-istilla li tiddomina li minnha ħarġet il-figura ta’ San Ġorġ – il-figura ċentrali u l-aktar sinifikanti fil-festa tagħna. Tassew emozzjoni mill-isbaħ li għexuha dawk il-folol kbar li ngħaqdu magħna l-Ġorġjani. Hekk kif intemm dan l-ispettaklu uniku, il-banda ‘La Stella’ kompliet bil-marċi tagħna u qabdet it-triq lejn Pjazza San Franġisk fejn hemm għall-ħabta ta’ 12.30pm beda spettaklu ieħor din id-darba ta’ logħob tan-nar ta’ l-art. Hawn ukoll wieħed seta’ jara l-akbar pjazza f’beltna ppakkjata bin-nies biex issegwi l-aħħar mumenti ta’ lejlet il-festa ta’ Ġorġi tagħna.

Ritratti: Joe Attard

20/07/2008