Join Us On:

News Archive

“SOUNDTRACKS ALIVE” FIT-TEATRU ASTRA FIT-12 TA’ FRAR

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella ser ittella’ kunċert mużikali b’differenza nhar is-Sibt 12 ta’ Frar 2011 – kunċert mużikali marbut mat-tema taċ-ċinema li jġib l-isem: Soundtracks Alive: music from the movies. Il-mużika tal-films illum-il ġurnata kisbet popolarità kbira u l-istess għamlu l-kompożituri famużi bħal John Williams; Hans Zimmer; Henry Mancini u Ennio Morricone fost bosta kompożituri ta’ fama.
 
Huma proprju dawn il-kompożizzjonijiet li ser jiġu esegwiti mill-banda li ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ George Apap, klarinettist u surmast tal-alljievi tal-istess banda – kompożizzjonijiet ta’ films kbar li għamlu isem matul dawn l-aħħar ħamsin sena bħal Ben-Hur; Last of the Mohicans; The Godfather; The Mission;  The Mask of Zorro; Titanic; Spirit; Lion King; Beauty and the Beast; Schindler’s List u aktar. Highlights mill-film grandjuż tal-2006, The Da Vinci Code ser jiġu esegwiti għall-ewwel darba minn banda lokali.
 
M’hemmx dubju li kunċert bħal dan għandu jiġbed lejn it-teatru tagħna udjenza numeruża, b’mod speċjali bosta dilettanti tad-dinja taċ-ċinema – kunċert li ser ikun imżewwaq bi preżentazzjoni viżiva mill-aqwa, kif ukoll akkumpanjat minn żfin minn Centre Stage Dance Academy fuq koreografija ta’ Natalie Sciortino.
 
Hekk kif f’dawn il-ġranet jinsabu għaddejja l-aħħar preparamenti, kemm dawk mużikali, kif ukoll dawk marbuta mal-koreografija u l-armar tal-palk, din il-websajt ser tkompli żżomkom aġġornati fuq dan il-kunċert mużikali.
 
Soundtraks Alive: music from the movies ser jittella’ fit-Teatru Astra, nhar is-Sibt 12 ta’ Frar 2011, fis-7.30pm. Id-dħul huwa b’xejn.

Disinn tal-Poster: George Mario Attard