SKONT SPEĊJALI FUQ IL-BILJETTI GĦALL-ISTUDENTI
Il-management tat-Teatru Astra f’Għawdex bħas-snin preċedenti qed iniedi skema speċjali li permezz tagħha qed joffri lill-istudenti skont speċjali fuq għadd ta’ biljetti għall-ewwel rapprezentazzjoni ta’ l-opra tant mistennija Aida, li ser tkun qed tinzamm nhar il-Ħamis 27 ta’ Ottubru 2016 fis-7.30pm.
Teatru Astra illum il-ġurnata hu isem rinomat f’ dak li għandhu x’ jaqsam ma’ produzzjonijiet tal-opri liriċi, fejn ta’ kull sena qed jilħaq l-aspettativi tad-dilettanti Maltin u Ghawdxin li jassistu għal dan l-avveniment. L-opra lirika popolari AIDA li ser tkun il-kulminu tal-ħmistax il-edizzjoni tal-Festival Meditteranea qed titgħella ġewwa t-Teatru Astra għat-tielet darba, fejn dan il-kapolavur ta’ Verdi għamel id-debut tiegħu ġewwa Għawdex proprju fit-Teatru Astra tliet deċenji ilu.
Għalkemm forsi produzzjonijiet operistiċi ma jattirawx udjenza żgħażugħa u huma aktar mfittxija minn ġenerazzjoni matura, pero l-aspetti edukattivi japplikaw żgur għaż-żgħażagħ u l-istudenti li qed isegwu korsijiet fil-lingwa, fil-muzika, fl-arti, fit-teatru, fid-disinn, fl-arkitettura jew fit-teknoloġija kemm f’livelli ta’ edukazzjoni sekondarja, post-sekondarja jew universitarja. Wieħed jista’ jammira il-muzika, l-pittura, l-arkitettura, l-letteratura u, mhux b’inqas, it-teknoloġija. Dawn l-elementi huma espressjonijiet ta’ l-arti li, għalkemm huma distinti minn xulxin, jikkumplimentaw lil xulxin biex isawwru spettaklu operistiku ta’ livell l-aktar għoli.
In-numru ta’ biljetti li t-Teatru Astra qed joffri bi skont speċjali ta’ €15 lill-istudenti huwa limitat ħafna. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi wieħed iċempel fuq +356 79 256 897 jew inkella minn fuq is-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt jew www.teatruastra.org.mt .
It-Teatru Astra qed jingħata l-appoġġ tal-fondi pubbliċi permezz ta’ arranġament kulturali mal-Gvern Malti.Imsieħba oħra f’dan il-proġett jinkludu l-Ministeru għal Għawdex, Citadel Insurance, General Softdrinks Co Ltd, Segretarju Parlamentari Għad-Drittijiet Ta’ Persuni B’diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva u Il-Kunsill Lokcali tal-Belt Victoria.