SISTER ACT U L-FTUĦ TAL-KAŻIN WARA X-XOGĦOLIJIET
Hekk kif wasalna biss ftit jiem qabel l-ewwel rappreżentazzjoni tal-musical Sister Act bħalissa il-Każin La Stella u t-Teatru Astra għaddejjin b’xogħol intensiv tal-aħħar preparamenti, kemm għall-musical spettakolari, kif ukoll għall-ftuħ mill-ġdid tal-każin bil-foyer u l-bar rinnovati.
Dawk li jixtiequ jiġu jaraw dan il-musical għad fadal xi biljetti f’ wħud mir-rappreżentazzjonijiet – naturalment hemm dati oħrajn li huma diġa ‘fully-booked’. Aktar dettalji fuq www.ticketline.com.mt jew 79244048.
Ta’ min isemmi li r-rappreżentazzjonijiet se jkunu jsegwu d-direttivi tad-dipartiment tas-saħħa pubblika minħabba l-Covid 19, u għalhekk se jkun hemm tlett entrati separati skont ir-ringiela tal-biljett. Aktar dettalji se jiġu mogħtija fil-jiem li ġejjin. Huwa mportanti ħafna li kemm jista’ jkun wieħed imur kmieni għax-show peress li jista’ jkun hemm xi dewmien minħabba dawn id-direttivi. Għar-rappreżentazzjoni tas-Sibt, peress li l-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku se jkun Għawdex importanti li wieħed jaħseb kmieni, speċjalment dawk li jridu jiġu minn Malta.
Minn din il-paġna nawguraw lil dawk li se jkunu magħna jieħdu pjaċir bil-produzzjoni tagħna, u li ilna ħafna nistennew għaliha minħabba l-pandemija. Dan huwa l-ħames ‘live musical’ li Teatru Astra qed jipproduċi fuq livell professjonali.
L-ispettaklu huwa possibbli biss bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex, id-Direttorat tal-Wirt Kulturali, l-Arts Council Malta, bosta entitajiet privati u numru kbir ta’ volontarji u partitarji jagħtu li ħafna minn ħinhom minħajr ħlas.