Join Us On:

News Archive

SERVIZZ FIL-FESTA TAL-KUNĊIZZJONI

It-temp sabiħ li kellna fi tmiem il-ġimgħa ppermetta li l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni tirnexxi f’kollox, kemm f’dak kollu li sar fil-festi esterni kif ukoll f’dawk interni.  Din is-sena ġie wkoll imfakkar it-350 sena mill-erezzjoni tal-Fratellanza tal-Kunċizzjoni, liema festi bdew fl-24 ta’ Novembru u baqgħu sejrin sal-ġurnata Solenni tal-Immakulata.

Il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella ħadet sehem fil-purċissjoni nhar il-Ħadd 8 ta’ Diċembru, kif ukoll il-ġurnata ta’ qabel, lejlet is-Solennità.  Il-Ħadd, wara li laqgħet il-ħruġ tal-vara sabiħa tal-Kunċizzjoni bl-innu l-kbir, il-Banda tagħna akkumpanjat l-istatwa mat-toroq ewlenin tal-Belt Victoria fosthom minn Pjazza San Franġisk, minn Triq ir-Repubblika minn quddiem is-sede uffiċjali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u Pjazza San Ġorġ sewwasew minn quddiem il-Bażilika Ġorġjana.  Nifirħu lill-kommunità Franġiskana għall-festa sabiħa li organizzaw u li fiha aħna l-Ġorġjani nħossuna parti minnha.

F’din l-okkażjoni ħarġu għall-ewwel darba mal-Banda  Ċittadina u Dekana La Stella, tliet membri ġodda:  Graziella Gambin u Mario Casha fuq il-klarinett u Emanuel Attard fuq l-Euphonium.  Il-Ħadd kienet ukoll okkażjoni fejn Mario Attard reġa’ ngħaqad mal-Banda fuq il-Baxx.  Graziella u Mario Casha  tgħallmu l-istrument taħt Mro George Apap u Mro Noel Beck. Mario Casha għamel xi sessjonijiet ta’ prattika taħt il-klarinettista Michael Said.  Mill-banda l-oħra, Emanuel Attard u Mario Attard kienu taħt l-għalliem tal-aljievi tal-istrumenti tar-ram, Mro George Camilleri.   Minn din il-paġna nawguraw lil dawn il-bandisti novelli u nħajru oħrajn biex jibdew jitgħallmu l-mużika, kemm dawk li huma tfal kif ukoll oħrajn li huma akbar fl-età.

(Ritratti: Joe Attard)

_JMJ3761michael-001 JMJ_0029 JMJ_0033JMJ_0046 JMJ_0050 JMJ_0058 JMJ_4901a JMJ_0062