SERVIZZ FIL-FESTA TA’ SANTA MARGERITA
Nhar il-Ħadd li għadda l-Banda Ċittadina La Stella għamlet servizz importanti fil-festa ta’ Santa Margerita tar-raħal ta’ Sannat. Is-servizz kien jikkonsisti f’marċ mat-toroq ewlenin u programm fil-pjazza tar-raħal. Matul il-marċ il-Banda Ċittadina La Stella daqqet numru ta’ marċi mis-sett il-ġdid li tnieda fil-ġimgħa ta’ qabel, fil-festa ta’ San Ġorġ. Fil-programm li sar wara indaqqu numru ta’ biċċiet klassiċi u oħrajn moderni mir-repertorju mużikali tal-banda tagħna, taħt it-tmexxija tal-Prof. Joseph Vella, surmast direttur.
Għalhekk bħalma ġara għal numru ta’ snin tkompliet id-drawwa sabiħa li l-Banda Ċittadina La Stella tieħu sehem f’din il-festa, li b’xi mod dejjem kellha rabta speċjali ma’ San Ġorġ. Prosit tassew lil dawk li taw is-sehem tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ din il-festa.
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu u nawguraw lill-grupp ta’ pellegrini mill-parroċċa tagħna ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Margerita ta’ Sannat, li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed iżuru Lourdes flimkien.