SERATA SPEĊJALI WAQT L-AKKADEMJA MUŻIKO-LETTERARJA
Il-bieraħ filgħaxija l-Banda Ċittadina La Stella fetħet l-impenji tagħha għall-festa tal-patrun tagħna San Ġorġ, liema festa tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħadd li ġej. Matul is-serata iżżanżnet bradella ġdida għal San Ġorġ Rebbieħ, fuq disinn ta’ Silvio Pace Ix-xogħol fl-injam sar minn’ Skippy Woodworks u xogħol fil-ħadid minn Johnny Micallef.
L-avveniment beda billi l-banda għamlet dimostrazzjoni qasira mill-każin La Stella sa Pjazza San Ġorġ fejn sabet folla ta’nies lesta għal bidu tas-serata. L-akkademja bdiet billi inqrat poeżija mill-Kav Joe M Attard “San Ġorġ ta’ Cremona – 125 sena magħna !”. Dritt wara għamel diskors mill-istoriku s-Sur Anthony Farrugia, dwar ħafna aspetti soċjo-kulturali u reliġjużi marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ u l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ. Kien imiss li l-banda tagħna ssellem l-memorja tal-Prof. Joseph Vella permezz tal-innu meraviljuż kompożizzjoni tiegħu, “Dejjem f’Qalbna”, miktub apposta għal San Ġorġ Rebbieħ. Wara, kien imiss li jiġi mistieden jagħmel diskors il-Kav. Paul M Cassar li ma għandu bżonn ebda introduzzjoni għax ismu huwa sinonimu mas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Is-Sur Cassar għamel diskors fuq aspetti storiċi u esperjenzi li għex huwa stess fis-snin l-imgħoddija, marbuta mal-parroċċa tagħna, s-Soċjetà Filarmonika La Stella, Teatru Astra u l-festa ta’ San Ġorġ. Wara d-diskors l-banda esegwiet l-innu “Su Garzoni” ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (tal-Vers) miktub apposta għal San Ġorġ Rebbieħ fl-1894. Il-Banda La Stella kienet akkumpanjata mill-kor tat-tfal tat-Teatru Astra “Piccole Stelle” u s-solista Ruth Bezzina. Kien imiss li jagħmel intervent il-Kav. Michael Camilleri Cauchi dwar l-aspett artistiku, l-aħħar skultur li rrestawra din l-istatwa ta’ San Ġorġ, wara interventi fil-passat ta’ Giuseppe Agius (il-Brejbex), Wistin Camilleri u Alfred Camilleri Cauchi. Il-Banda Ċittadina La Stella kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Dr John Galea filwaqt li l-Kor Piccole Stelle kien taħt id-direzzjoni ta’ Ms Sylvana Attard.
Is-serata tkompliet bil-preżentazzjoni ta’ tifkira mill-President attwali s-Sur Michael Formosa lil numru ta’ bandisti li llum rtiraw minħabba l-età – u li għandhom ‘il fuq minn 75 sena. Dawn inħatru bandisti onorarji għal għomorhom, skont anke t-termini tal-aħħar reviżjoni fl-istatut tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Il-membri li rċevew dan ir-rikonoxximent kienu:
- Sunny Galea (Klarinett)
- Zarenu Galea (Kurunetta)
- Michael Camilleri (Klarinett)
- Anton Galea (Baxx)
- Anton Said (Saxaphone Soprano)
- Joe Sacco (Baxx)
- Joseph Bajada (Baxx)
- John Cauchi (Kornu)
- John Farrugia (Kornu)
- Censu Formosa (Klarinett)
Wara ġew onorati numru ta’ bandisti li għalqu 50 sena jdoqqu mal-banda u għadhom jagħtu servizz. Ta’ min isemmi li s-Sur John Cauchi għalaq 60 sena jdoqq mal-banda tagħna u għadu jagħti servizz. il-membri li rċevew din it-tifkira kienu:
- Anton Farrugia (Althorn)
- George Cremona (Trumbun)
- Joseph Tabone (Klarinett)
- Joseph Cini (Saxophone)
- Anton Sacco (Euphonium)
- Godwin Cachia (Tamborlin)
Bħala sinjal ta’ inkoraġġiment ingħata premju wkoll liċ-ċkejknin tagħna, l-allievi, li naturalment huma l-futur tal-banda. Dawn kienu:
- Keith Vella (Trumbun)
- Eman Camilleri (Kurunetta)
- Jerome Vella (Horn)
- Joseph Attard (Kurunetta)
- Jurgen Bugeja (Klarinett)
- Luca Galea (Saxophone)
- Kurt Vella (Klarinett)
- Jaden Formosa (Klarinett)
- Paul Cassar (Klarinett)
- Kareem Cutajar (Klarinett)
Fl-aħħar tas-serata għamlet diskors l-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana fejn irreferiet għall-importanza tal-impenn ta’ numru ta’ voluntiera biex wasslu lis-Soċjetà Filarmonika La Stella fejn hi llum. Fi tmiem id-diskors tagħha hija awgurat l-festa t’tajba l-komunità Ġorġjana kollha. Is-serata intemmet bid-daqq tal-innu tal-Banda La Stella u l-innu marċ “Lill-Kbir Martri San Ġorġ”.
Għal din is-serata kien hemm numru ta’ persuni distinti u li aħna nirringrazzjaw tal-preżenza tagħhom. Fost oħrajn konna onorati bil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana, is-Sindku tar-Rabat is-Sur Josef Schembri, s-Sur Michael Formosa President tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, s-Sur Matthew Zammit s-Segretarju w Dr Chris Mizzi l-Viċi President, Mro Dr John Galea s-sinjura tiegħu, l-Arċipriet Mons Joseph Curmi, l-Arċipriet Emeritus u direttur spiritwali tal-banda Mons Ġużeppi Farrugia, s-Sinjura Vella (mart l-Prof. Joseph Vella), l-kelliema kollha fosthom il-Kav Paul M Cassar. Is-serata kienet ippreżentata mis-Sur Nathaniel Attard.
Din is-serata ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Fond Komunitajiet Kreattivi mħaddem mill-Kunsill Malti tal-Arti, u anke lill-Ministeru għal Għawdex għas-sapport tiegħu.
(Ritratti: Joe Attard)