Join Us On:

News Archive

SERATA MUŻIKO-LETTERARJA FIL-BAŻILIKA

Nhar is-Sibt 12 ta’ Marzu, il-komunita’ Ġorġjana tat tislima lill-Isqof Emeritu Mons. Nikol Ġ. Cauchi li ħalliena f’Novembru li għadda. Fil-fatt ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ, ittellgħet serata mużiko-letterarja organizzata mill-parroċċa u mill-kumitat storiku-kulturali bis-sehem tal-banda ċittadina La Stella u l-kor Laudate Pueri. 

Għal din l-okkażjoni kien hemm preżenti fost l-għola awtoritajiet, fosthom  l-E.T. Isqof t’Għawdex  Mons. Mario Grech; il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono;  is-Sindku tal-belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi, il-membri parlamentari Dr Anton Refalo u Dr Justyne Caruana; l-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona u l-membri tal-kapitlu Ġorġjan, u l-President tas-Soċjeta’ La Stella, is-Sur Paul Zammit flimkien ma’ membri oħra tal-kumitat ġenerali. 

Il-banda La Stella fetħet is-serata bid-daqq tal-marċ funebri mill-pinna tas-surmast Vella: In Memoriam Joe Grech. Matul is-serata l-banda esegwiet ukoll silta mużikali ta’ Francis Thome: Andante Religioso; il-marċ funebri In Memoriam Ġanni Vella, u silta minn wieħed mill-aħħar xogħlijiet tal-Prof. Joseph Vella għall-banda: Ludus Tonalis, li minnha ndaqqet l-aħħar parti Solenne bis-sehem ukoll tal-kor Laudate Pueri. Għal din l-okkażjoni l-banda daqqet  ukoll silta mużikali mill-pinna ta’ Mario Galea klarinettist solista tal-banda: In Memoriam Bishop Nicholas J. Cauchi li ġiet premiered proprju f’din is-serata mużiko-letterarja. 

Intant, f’din l-okkażjoni saru diversi diskorsi fosthom dwar il-MInisteru Episkopali tal-Isqof Cauchi; ir-rabta tiegħu mal-parroċċa ta’ San Ġorġ; u nqraw ukoll siltiet mill-Ittra Pastorali miktuba mill-istess Isqof fl-okkażjoni tas-sbatax-il ċentinarju tal-martirju ta’ San Ġorġ u siltiet mid-Digriet tat-twaqqif tal-Kolleġġjata Ġorġjana (Diċembru 1975), miktub mill-Isqof Cauchi. Fl-aħħar kien imiss ukoll intervent mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana.