Join Us On:

News Archive

SERATA MEMORABBLI GĦALL-BANDA TAGĦNA

Il-lejla nistgħu ngħidu li l-Banda tagħna laħqet il-qofol tal-impenji annwali tagħha meta temmet il-Festival Mediterranea 2011 bil-Programm Annwali tagħha.

Is-serata kienet ippreżentata mis-Sur Charles Coleiro, ħabib kbir tas-Soċjetà tagħna.  Bl-istil tiegħu s-Sur Coleiro anima l-kunċert billi wassal tagħrif fuq kull biċċa xogħol li ndaqqet.  Il-Banda, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Vella, fetħet il-kunċert billi daqqet ir-Ross Roy ta’ Jacob de Haan.  Wara segwiet b’biċċiet ta’ Nino Rota, Giuseppe Verdi, Miklos Rozsa, Gioacchino Rossini u Tchaikovsky.  

Waqt is-serata ġie mogħti l-unur ta’ President Onorarju lill-Perit Joe Mizzi, li kien involut ħafna fiż-żmien ta’ meta nbena  l-każin li għandha s-Soċjetà Filarmonika La Stella llum.  Il-President attwali tas-Soċjetà s-Sur Paul Zammit wassal ukoll messaġġ tal-okkażjoni u talab l-udjenza biex iżżomm minuta silenzju bħala sinjal ta’ rispett lejn il-Bandist Ġanni Formosa li ħalliena dan l-aħħar.

Il-mistedinin kienu mħeġġa biex jgħinu milli jistgħu fil-ġabra li saret waqt l-okkażjoni b’risq il-Fondazzjoni Arka.  Is-serata waslet fi tmiemha bl-Innu La Stella ta’ Giuseppe Giardini Vella, l-Innu lil Għawdex tas-Surmast Joseph Vella u l-Innu Nazzjonali. Fost il-mistednin kien hemm is-Sindku tar-Rabat, Dr Samuel Azzopardi, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex is-Sur Joseph G Scerri, membri tal-kumitat ċentrali, l-Arċipriet Mons. Paul Cardona u bosta dinjitarji oħra.

Naturalment aħna ningħaqdu mal-President tas-Soċjetà u nirringrazzjaw il-bandisti tagħna tas-servizz li jagħtu, kemm minħabba n-numru kbir ta’ impenji li għandna matul is-sena kif ukoll minħabba l-fatt li dan jagħtuh kollu fuq bażi volontarju.  Persważi li dan kollu jagħmluh b’imħabba u lealtà lejn is-Soċjetà Filarmonika La Stella.

(Ritratti: Joe Attard)