Join Us On:

News Archive

SENA MPENJATTIVA GĦAS-SOĊJETA’ FILARMONIKA LA STELLA


Hekk kif is-sena 2022 waslet biex tispiċċa, is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tħares lura b’sodisfazzjon kbir għal dak kollu li rnexxiela tagħmel f’dawn l-aħħar tnax il-xahar.  Din ma kinitx biċċa xogħol faċli wara d-diffikultajiet miġjuba mill-pandemija tal-Covid 19 u r-restrizzjonijiet marbuta magħha. Imma bl-għajnuna u l-perseveranza ta’ ħafna nies li jħobbu tassew s-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, il-kumitat ħabrieki taħt it-tmexxija tal-President Michael Formosa, irnexxielu mhux biss jittrasforma u jirrinnova l-foyer tat-Teatru Astra, imma kompla jsaħħaħ dak li hu tassew essenzjal għall-futur.  Qed nirreferu partikolarment għall-iskola tal-mużika tal-Banda Ċittadina La Stella li f’dawn l-aħħar snin kellha numru tassew kbir ta’ alljievi u li issa qed naraw il-frott tagħha, imma wkoll l-attivitajiet teatrali li huma essenzjali biex inżommu dan il-livell kulturali għoli, u li sservi ta’ kalamita għal dawk kollha li jridu jesprimu ruħħom f’xi waħda mid-dixxiplini artistiċi. Bħala tifkira tal-isforzi li saru minn bosta nies fix-xogħolijiet tar-rinnovar saret skrizzjoni fuq l-irħam fl-intrata tal-foyer li nkixfet mill-President ta’Malta, l-E.T. Dr George Vella nhar is-27 t’Ottubru 2022.

Hekk kif il-pandemija bdiet tbatti u r-restrizzjonijiet bdew jonqsu xi ftit, it-Teatru Astra fetaħ dritt b’numru rekord ta’rappreżentazzjonijiet tal-musical Sister Act li kien suċċess kbir. Il-Banda Ċittadina La Stella rnexxiela wkoll ittella kunċert sagru taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr John Galea, ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira minbarra li għamlet is-servizz ukoll ta’ Kristu Rxoxt nhar l-Għid il-Kbir.  Fil-Ġimgħa l-Kbira ma sarx is-servizz peress li tħassret il-purċissjoni minħabba l-maltemp.

Fil-ġimgħat ta’ wara it-Teatru Astra kien ferm impenjattiv bl-inawgurazzjoni tal-foyer rinnovat u wirja ta’opri tal-arti mifruxa mas-swali u kurituri minn diversi artisti u skulturi minn Malta, Għawdex kif ukoll barranin, liema wirja kienet taħt il-kura ta’ Dr Mark Sagona.  L-attivitajiet komplew b’RockAstra f’Ġunju filwaqt li wara waqfa ta’ sentejn saru l-festi b’mod normali, li għall-banda tagħna kien ifisser aktar impenji mxerrdin ma’ Għawdex.  F’Lulju saret il-festa ta’ San Ġorġ u dan kien ifisser aktar impenji għall-banda tagħna, li naturalment dejjem nagħmlu bi pjaċir kbir.   Il-festa ta’ San Ġorġ  tas-sena 2022 kienet sostnuta minn skema tal-Kunsill Malti għall-Arti li taffiet ftit mill-ispejjes relatati mal-loġistika. Matul is-sena saru wkoll diversi attivitajiet u kunċerti mill-Kor Piccole Stelle u l-alljievi tal-banda tagħna.

Minn ħaġa għall-oħra u hekk kif bdiet il-ħarifa bdew jintensifikaw il-preparamenti għall-opra Carmen li wara posponiment ta’ sentejn irnexxielna nipproduċuha b’suċċess kbir.  L-opra kienet taħt id-direzzjoni artistika ta’ Enrico Stinchelli u dik mużikali ta’ Mro Dr John Galea.  Għat-Teatru Astra l-opra ma hix l-unika attivita’ peress li aħna norganizzaw Festival Mediterranea li jinkludi fih numru ta’ attivitajiet kulturali oħra, dejjem innovattivi u li joħolqu ħafna interess mill-pubbliku.

Ikun ta’ pjaċir kbir ukoll meta t-Teatru Astra iservi ta’venue għall-attivitajiet importanti oħra mtella’ mill-organizzaturi ta’ per eżempju l-Victoria International Arts Festival, Feel the Magic, kumpaniji teatrali Maltin bħal FM Productions li b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Astra din is-sena ġabu għall-ewwel darba f’Għawdex il-pantomina, D Capitals, l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta, gruppi mużikali privati, skejjel biex jagħmlu l-kunċerti tagħhom u fl-aħħar il-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat tal-Wirt Kulturali li dejjem ikunu strumetali biex jgħinu fl-attivitajiet kulturali ta’ pajjiżna.

Dan kollu isir għax għadu jeżisti l-volontarjat li flimkien ma għajnuniet finanzjarji mill-Unjoni Ewropeja bis-sehem f’diversi programmi, l-Ministeru għal Għawdex u ministeri oħra, d-donazzjonijiet tas-soċji u l-partitarji u diversi għajnuniet minn entitajiet kummerċjali.  Jekk Alla jrid is-sena d-dieħla għanda ġa programm mimli sew u hemm ħafna xogħol xi jsir!  Tisimgħu bid-dettalji fil-ġimgħat li ġejjin.

Minn din il-paġna nawguraw lilkom s-sena t-tajba, paċi u ġid.