Join Us On:

News Archive

SENA ĠDIDA: TKOMPLI L-ĦIDMA

Hekk kif ninsabu fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, fis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella kompliet il-ħidma mid-diversi sezzjonijiet  wara l-waqfa qasira fil-jiem tal-festi. Il-banda, li hija fuq kollox il-qalb tas-soċjeta’, dalgħodu rritornat għall-kunċerti tal-Ħadd filgħodu, din id-darba  bi preparazzjoni għar-rekording tas-sett il-ġdid ta’ marċi funebri u għall-impenji marbuta mal-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-kunċert kien taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur, il-Prof. Joseph Vella, li kif tenna hu stess fi tmiem il-kunċert, din is-sena hija sena speċjali għalih hekk kif qed jiċċelebra għeluq l-erbgħin sena minn meta ġie maħtur surmast direttur tal-banda La Stella. Fil-fatt f’kelmtejn ta’ ringrazzjament lill-bandisti u l-kumitat, is-surmast direttur tenna li dan il-kunċert preparatorji għandu sinifikat speċjali għaliex kien l-ewwel wieħed tas-sena 2010: sena li fiha ser infakkru dan l-anniversarju tant importanti, kemm għas-surmast Vella, kif ukoll għas-Soċjeta’ La Stella. 

Hekk kif temm id-diskors tiegħu, il-bandisti u l-membri tal-kumitat preżenti taw applaws xieraq lis-surmast direttur li tul dawn l-erbgħin sena mexxa lis-Soċjeta’ La Stella għal kullana ta’ suċċessi kemm f’pajjiżna, kif ukoll barra minn pajjiżna. Matul din is-sena s-Soċjeta’ qed tippjana li tfakkar dan l-anniversarju kif inhu xieraq. Iżda dwar dan, nilħqu nitkellmu aktar ‘il quddiem. 

Intant, issa li għaddew il-jiem ta’ festi, kull membru tas-Soċjeta’ kompla fejn ħalla fis-sena preċedenti, bil-ħidma rispettiva f’kull għaqda fi ħdan is-Soċjeta’. Kull fergħa għandha pjan ta’ ħidma li jrid jitwettaq matul din is-sena: sewwa jekk huwa armar u nar għall-festa; sewwa jekk huwa teatru; sew jekk huwa tagħlim ta’ allievi; kif ukoll impenji tal-banda li jvarjaw minn rekordings; marċi u programmi. Nittamaw li din  is-sena wkoll, inkomplu nibnu fuq is-suċċessi miksuba matul is-sena li għaddiet u nħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ u entużjażmu.