SEHEM IL-BANDA TAGĦNA FIL-ĠIMGĦA MQADDSA
Dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa huma l-aktar importanti fil-kalendarju liturġiku tal-Insara madwar id-dinja. Fil-Belt Victoria għandna diversi attivitajiet marbuta ma din il-ġrajja importanti u kif jixraq, bħalma jiġri kull sena, il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella tieħu sehem f’diversi attivitajiet marbuta mal-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri. Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, flimkien mas-sotto kumitati taż-żgħażagħ u l-armar ukoll jagħtu s-sehem tagħhom billi jorganizzaw avvenimenti li jdaħħluna aktar fl-ispirtu ta’ dawn il-jiem.
Illum stess fl-10.00am se ssir taħdita mis-Sur Kurt Cassar dwar l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet bħala niċċa turistika kulturali għal Għawdex – liema taħdita hija organizzata mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella. Din se ssir fil-Mitħna tat-Tmien Kantunieri ġewwa x-Xewkija, Għawdex.

Intant l-Għaqda tal-Armar kompliet bis-sensiela tagħha u tellgħet wirja bl-isem “Autem Flagellatum” li se tkun miftuħa sas-19 t’April 2025. Id-dħul għal din il-wirja huwa b’xejn.

Għada, Ħadd il-Palm filgħaxija se jsir il-kunċert b’mużika sagra mill-Banda Ċittadina u Dekana La Stella ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ fit-8:00pm taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea, bis-sehem tal-Kor Piccole Stelle taħt id-direzzjoni ta’ Sylvana Attard. Aktar dettalji fil-poster ta’ dan l-avveniment. Id-dħul huwa wkoll b’xejn.

Naturalment is-sehem tagħna ma jieqafx hawn. Din il-sena, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Bażilika ta’ San Ġorġ, li hija l-aktar waħda antika ġewwa Għawdex u li żammet il-format penitenzjali tagħha, se toħroġ nhar il-Ħamis fis-7pm, fejn bħas-soltu nieħdu sehem bil-banda tagħna bid-daqq ta’ diversi marċi funebri mir-repertorju mużikali tagħna. Imbagħad nhar Ħadd il-Għid filgħodu l-banda tagħna takkumpanja l-Kristu Rxoxt fid-8.45am madwar it-toroq tal-Belt Victoria bid-daqq ta’ diversi valzi paskwali.

Minn din il-paġna nistiednu lill-partitarji u membri tas-Soċjetà Filarmonika La Stella biex jieħdu sehem bi ħġarhom ġewwa l-parroċċa tagħna ta’ San Ġorġ matul il-jiem tat-Tridu paskwali. Il-ħinijiet huma kollha mniżżla f’dan il-poster maħruġ mill-parroċċa.
