SEHEM IL-BANDA LA STELLA FIL-FESTA TAL-KUNĊIZZJONI
IL-ĠIMGĦA 7 TA’ DIĊEMBRU
JUM ID-DIMOSTRAZZJONI
8.00pm: Marċ brijuż mill-Banda Ċittadina Dekana ‘La Stella’ jakkumpanja l-istatwa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, maħduma fl-2002 għall-festi ta’ barra minn Pawlu Aquilina, statwarju Għawdxi. Il-marċ jgħaddi minn Triq Għajn Qatet, Triq 8 ta’ Diċembru, Triq Enrico Mizzi, Triq San Duminku, Triq Pompei għal Pjazza San Frangisk. Fi tmiem il-marċ, l-istatwa tittella’ fuq il-pedestal monumentali tagħha (mirqum minn Michael Camilleri Cauchi fl-2003) fi pjazza San Franġisk waqt li jindaqq l-innu “Lil Marija Immakulata”, versi tal-mbki Patri Mikiel Bezzina OFM Konventwali u mużika tas-surmast Joseph Vella. Wara, wirja ta’ logħob tan-nar ta’ l-art fi pjazza San Frangisk.
IS-SIBT 8 TA’ DIĊEMBRU
JUM IL-FESTA
5.15pm: Marċ mill-banda Ċittadina Dekana ‘La Stella’ minn Triq Enrico Mizzi (ħdejn il-Victoria Hotspurs FC) sa pjazza San Frangisk.
5.45pm: Tibda ħierga l-purċissjoni bl-istatwa devota u artistika ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni. Jindaqq l-innu “Lodate Maria”, mużika tas-surmast G. Flamingo, mill-banda Ċittadina Dekana ‘La Stella’, taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella, u bis-sehem tal-kor “Laudate Pueri” tal-bażilika ta’ San Ġorġ, tenur u baritonu.
6.00pm: Purċissjoni bl-istatwa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, iż-żina Marjana tal-Belt Victoria, bis-sehem tal-komunità Franġiskana Konventwali tal-Belt Victoria, u tal-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni fi ħdan l-istess komunità. Imexxi l-purċissjoni Mons. Pawlu Cardona bis-sehem tal-kapitlu tal-Bażilika Ġorġjana. Ikanta l-kor “Laudate Pueri”. Il-Banda Ċittadina Dekana “La Stella” takkumpanja l-purċissjoni bl-istatwa ta’ Marija Immakulata. Mad-dħul ta’ l-istatwa lura fil-knisja, il-Patri Gwardjan Ġorġ Attard OFM Konventwali, jagħmel att ta’ konsagrazzjoni ta’ l-ordni Franġiskana lill-Immakulata Kunċizzjoni, filwaqt li jindaqq l-innu ta’ l-antifona “Hodie Egressa Est” (1884), ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (tal-Vers), segwit mill-barka Ewkaristika, il-bews tar-relikwija, u l-kant ta’ l-innu popolari ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni “Lejna Ħares”. B’hekk jiġu fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet ad unur Marija Immakulata.
Wara li tidħol il-purċissjoni u jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja, issir wirja spettakolari ta’ logħob tan-nar ta’ l-art fil-pjazza.