SEHEM FIL-FESTA TAL-MUNXAR NHAR IL-ĦADD LI ĠEJ
Nhar il-Ħadd li ġej, 26 ta’ Mejju 2024, il-Banda Ċittadina La Stella se tibda s-servizzi tagħha fil-festi tas-sajf bl-ewwel wieħed ikun fil-festa ta’ San Pawl tal-Munxar. Is-servizz tagħna se jkun jikkonsisti f’marċ qasir fejn jindaqqu marċi festivi u programm fil-pjazza waqt li l-purċissjoni tkun qed iddur mat-toroq tar-raħal. Waqt il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Pawl il-banda tagħna se tesegwixxi l-innu l-kbir ta’ San Pawl, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Wara, il-banda tagħna tkompli bil-programm ta’ diversi biċċiet mużikali mir-repertorju mużikali tagħha. Għal din l-okkażjoni il-Banda Ċittadina La Stella se tkun taħt id-direzzjoni tas-surmast sostitut Michael Bonanno persess li s-Surmast Dr John Galea se jkun indispost. Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lill-kommunità tal-parroċċa tal-Munxar il-festa t’tajba.

Intant, il-Banda Ċittadina La Stella bħalissa għaddejja wkoll bil-preparatmenti għall-kunċert RockAstra li se jsir nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju, liema kunċert se jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea. Dan il-kunċert bit-tema RockAstra Glam Rock Edition issa jinsab fid-disa’ edizzjoni u għal darb’ oħra se jsir ġewwa t-Teatru Astra. Għal din l-edizzjoni se jkun hemm is-sehem ta’ bosta kantanti ta’ fama kbira fostom Cash & Band, Ozzy Lino, Gabriella Azzopardi u Pamela Bezzina. Bħas-soltu hemm għażla vasta ta’ biċċiet mużikali ‘rock’ li għandhom jilħqu l-gosti ta’ kulħadd. Narawkom!