SEHEM FIL-FESTA TA’ SANTA MARGERITA
Nhar il-Ħadd li ġej il-Banda Ċittadina La Stella tkompli bis-servizzi tagħha fil-festi tas-sajf. Wara ġimgħa impenjattiva fil-festa tal-patrun tagħna San Ġorġ Martri, imiss issa li nieħdu sehem fil-festa ta’ Santa Margerita, ġewwa ta’ Sannat.
Ir-raħal ta’ Sannat għandu rabtiet storiċi mas-Soċjetà Filarmonika La Stella, minbarra li hemm similarità bejn iż-żewġ qaddisin li aħna nonoraw, Ġorġi u Margerita, it-tnejn martri kbar fl-istorja tal-knisja u t-tnejn popolari f’numru ta’ pajjiżi.
Is-servizz se jkun jikkonsisti f’marċ u programm fil-pjazza ewlenija. Matul il-marċ il-banda se ddoqq numru ta’marċi brijużi li għadhom kif ġew imżanżna fil-festa ta’ San Ġorġ u waqt il-programm mużika varjata mir-repertorju mużikali tagħna.
Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu l-awgurju tagħna lis-Sannatin kollha … Viva Santa Margerita !