SAN ĠORĠ U L-ĠNUS MAGĦQUDA
Il-figura ta’ San Ġorġ u d-dragun minn dejjem kienet meqjusa bħala s-simbolu tat-trijonf tat-tajjeb fuq il-ħażin, tad-dawl fuq id-dlam, tal-grazzja fuq id-dnub. Ma humiex ftit il-ġnus u l-popli li lil San Ġorġ ħabbewh u ħatruh sabiex ikun il-patrun smewwi tagħhom, u waqqfu f’ġieħu monumenti fl-aktar postijiet importanti u frekwentati ta’ pajjiżhom. Fuq quddiem nett fost dawn insibu lil Malta tagħna, li tiftaħar bi xbihet San Ġorġ fuq il-bandiera nazzjonali tagħha.
Wieħed mill-akbar u l-aktar monumenti sinifikattivi ta’ San Ġorġ madwar id-dinja jinsab iżejjen wieħed mill-aktar imkejjen prominenti tad-dinja, il-Kwartieri Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, li jinsab fit-territorju internazzjonali fl-inħawi tal-belt ta’ New York. Il-Ġnus Magħquda hija l-akbar organiżżazzjoni dinjija u tħaddan 193 pajjiż, li jinkludu kważi kull stat indipendenti magħruf.
Il-monument li jinsab iżejjen dan l-imkien iġorr miegħu sinifikat tabilħaqq straordinarju. Lejn tmiem il-Gwerra l-Bierda, l-istatista Russu Mikhail Gorbachev ried li jagħti rigal lill-organiżżazzjoni tal-Ġnus Magħquda fil-45 anniversarju mit-twaqqif tagħha, sabiex jibqa’ mfakkar għal dejjem iż-żmien ġdid ta’ paċi bl-iffirmar tat-Trattat ta’ Diżarmament bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Ta’ min isemmi li l-Gwerra l-Bierda ġiet fi tmiemha permezz ta’ summit li kien inżamm f’pajjiżna fl-1989. L-għażla tiegħu kienet waħda sorprendenti: huwa għażel li jippreżenta lid-dinja bi xbieha impressjonanti ta’ San Ġorġ, rebbieħ fuq id-dragun. Fuq xogħol tal-iskultur Russu Zurab Tsereteli, l-figura ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel hija magħmula fil-bronż, waqt li d-dragun huwa magħmul mill-fdalijiet ta’ missili Sovjetiċi u Amerikani. Il-monument ġie inawgurat uffiċċjalment nhar il-5 ta’ Ottubru 1990.
F’dan l-anniversarju mill-aktar sinifikattiv is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, bil-bandiera tperper fuq il-bejt tas-sede uffiċċjali tagħha, ssellem b’tislima ta’ ħbiberija Ġorġjana lil tant u tant emigranti, partitarji tagħha u Ġorġjani bħalha, li jinsabu mxerrdin ma’ kull rokna tad-dinja – fl-Amerika, fil-Kanada, fl-Awstralja, fl-Ingilterra u f’tant pajjiżi oħra.