Join Us On:

News Archive

SAN ĠORĠ T’ GĦAWDEX TA’ VINCENZO CREMONA FIL-BELT PINTO

 

Il-festi speċjali mnedija mis-Soċjetà Filarmonika La Stella biex jimmarkaw il-125 sena mill-wasla f’Għawdex tal-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ ta’ Vincenzo Cremona (1894) ser jieħdu xejra straordinarja matul il-ġurnata tas-Sibt 22 ta’ Ġunju fejn ser isiru ċelebrazzjonijiet speċjali fil-gżira ta’ Malta – fil-Belt Pinto, li tqim lil San Ġorġ bħala Patrun tagħha. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed isiru f’ kollaborazzjoni mal-Għaqda Mużikali San Ġorġ ta’ Ħal Qormi li din is-sena qiegħda wkoll tiċċelebra l-125 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Dakinhar, fl-10.30am, ser jinżamm Simposju fis-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri bit-tema: L-istatwarju Vincenzo Maria Cremona (1851-1912): Ħajtu u ħidmietu. Il-kelliema jinkludu wħud mill-aqwa studjużi tal-istorja soċjoreliġjuża ta’ pajjiżna, fosthom: Fabian Mangion, Tony Terribile, Victor Caruana u Dr Eugene F. Montanaro. L-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi wkoll se jkun qed jindirizza din l-attività. Din l-inizjattiva qed issir bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti – Komunitajiet Kreattivi.

Fl-istess jum, fit-8.00pm, ser issir Dimostrazzjoni grandjuża u unika bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ fiċ-ċentru ta’ Ħal Qormi. Il-Banda San Ġorġ Martri ta’ dik il-Belt u l-Banda La Stella tal-Belt Victoria ser ikunu qed idoqqu flimkien għal din l-okkażjoni storika.

Il-festi tal-125 anniversarju tal-istatwa ta’ Cremona nfetħu f’April li għadda fil-Belt Victoria waqt dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ, bis-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella tal-istess Belt u l-Banda Santa Margerita ta’ Ta’ Sannat. B’rabta mal-istess anniversarju, fil-bidu ta’ Mejju ġiet organizzata esibizzjoni dwar l-istatwarju Vincenzo Maria Cremona fil-Każin tal-Banda La Stella. Din l-okkażjoni ġabret taħt saqaf wieħed kollezzjoni ta’ statwi tal-istess statwarju minn Malta u Għawdex.

Fil-ġranet li ġejjin ser jiġu mħabbra inizjattivi oħra speċjali marbuta ma’ dan l-anniversarju u bħala parti mill-Programm tal-Festi Esterni ta’ San Ġorġ, organizzati mis-Soċjetà Filarmonika La Stella fil-Belt Victoria.

Għal aktar informazzjoni tistgħu żżuru l-Paġna ta’ Facebook Soċjetà Filarmonika La Stella u l-websajt lastella.com.mt.

 

2

poster seminar