Join Us On:

News Archive

SAN ĠORĠ: 175 SENA FOSTNA

Wirja u Pubblikazzjoni dwar l-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex

Fl-okkażjoni ta’ l-għeluq tal-festi speċjali li nżammu f’Għawdex matul din is-sena biex jitfakkar il-mija u ħamsa u sebgħin anniversarju mill-miġja ta’ l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ, Patrun tal-gżira, bħalissa għaddejja Wirja fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Victoria, li tibqa’ miftuħa sat-23 ta’ Novembru.

Il-wirja, fi stil għal kollox innovattiv, għandha t-tema: San Ġorġ: 175 Sena Fostna, u tikkonsisti f’sitt pannelli b’tagħrif dwar il-qaddis martri tar-raba’ seklu u l-kult tiegħu fil-gżejjer Maltin, kif ukoll dwar l-iskultur Pietru Pawl Azzopardi u s-sinifikat teoloġiku, storiku u artistiku tax-xbieha maqqxa minnu fl-1839, li fetħet it-triq għall-kummissjonijiet ta’ l-istatwi titulari Għawdxin.  Wieħed isib ukoll nisġa tal-ġrajjiet storiċi ewlenin li għaddiet minnhom din l-istatwa matul dawn l-aħħar mija u ħamsa u sebgħin sena, fost l-oħrajn tant drabi li fihom inħarġet f’purċissjoni biex jintalab il-ħarsien tal-qaddis f’mumenti diffiċli għall-poplu Għawdxi.  Wieħed jista’ jkompli jara wkoll għadd ta’ xbihat kopji ta’ dan il-kapulavur artistiku fis-sular ta’ isfel ta’ Dar Leħen il-Belt Victoria.

IMG_7697 IMG_7685 IMG_7771

Mill-Bażilika ta’ San Ġorġ qed jinbiegħ ukoll il-ktieb San Ġorġ: L-Ewwel Statwa ta’ Għawdex, bi studji interessanti dwar l-istatwa u għadd ta’ ritratti mill-imgħoddi.

IMG_3476