SALVATOR MUNDI – sett ġdid ta’ marċi funebri mill-Banda Ċittadina u Dekana ‘La Stella’
Is-sett ġdid ta’ marċi funebri rrekordjat mill-banda ċittadina u dekana “La Stella” tal-belt Victoria, issa jinsab għall-bejgħ. L-isem magħżul għad-dsatax –il CD maħruġ mis-Soċjetà Filarmonika “La Stella” huwa “Salvator Mundi – Is-Salvatur tad-dinja”. Dan is-sett ġdid jinkludi disa’marċi funebri li wħud minnhom huma ġodda u oħrajn li ġew maħruġa mill-ġdid mill-arkivju rikk tas-Soċjetà “La Stella”. Il-marċijiet kollha huma dawn:
In Memoriam Mgr Salv Borg – Joseph Vella
In Memoriam Ġużeppi Buttigieg (Il-Bellu) – Joseph Vella
In Memoriam Victor Camilleri (Ta’ Xmun) – Joseph Vella
La Morte e la Resurrezzione (In memoria di Giuseppe Camilleri) – Joseph Vella
Kuruna tax-Xewk – Mario Galea
Sitio (in memory of Anton and Dorthese Ellis) – George Borg
Qniepen Siekta (Joe Attard) – John Galea
La Sollevazione di Cristo – Antonio Oddo
Dolore – Giovanni Giumarra
Fost dawn il-marċijiet l-ewwel sitta huma lkoll kompożizzjonijiet ġodda filwaqt li l-aħħar tlieta nħarġu mill-arkivju tas-Soċjetà. Huma lkoll marċi mill-isbaħ li m’hemmx dubju li mhux biss ser nisimgħuhom tul il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-kbira li toħroġ mill-bażilika, iżda wkoll fuq diversi programmi tar-radju, u tul diversi wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira madwar beltna.
Dawn il-marċi ġew irrekordjati ġewwa t-Teatru Astra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Vella. Ir-recording engineer kien John Cauchi ta’ PRO studios. L-art work tal-cover tas-CD sar minn Michael Formosa, filwaqt li l-pittura li ġiet użata fuq il-faċċata hija ta’ George Scicluna. Din hija xbieha ta’ wiċċ Ġesu’ msallab meqjum fil-bażilika ta’ San Ġorġ Martri.
Is-CD “Salvator Mundi” jinsab għall-bejgħ mit-Teatru Astra għall-prezz ta’ € 12 (Lm5.16). Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattjana fuq [email protected]