ROCKASTRA: KUNĊERT SPETTAKOLARI !
Il-kunċert tal-bieraħ fil-qalba tal-Belt Victoria se jibqa ċertament imfakkar bħala wieħed mill-aktar avvenimenti mużikali mportanti ta’ ġżiritna. Minn kmieni n-nies bdew jsibu posthom fi Pjazza Indipendenza għall-kunċert RockAstra, tant li ferm qabel ma beda’ ma kienx għad baqa’ post u l-folla mliet l-ġnub u n-naħħa ta’ wara tal-pjazza.
Il-kunċert, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Sigmund Mifsud, paxxiena b’mużika tal-aqwa bands internazzjonali, mużika li normalment ma’ tiġix assoċjata ma’ banda. Is-siltiet magħżula kienu kollha popolari u għalhekk daħħlu l-udjenza fl-atmosfera. Il-Banda Ċittadina La Stella kienet protagonista f’dan l-avveniment ewlieni ta’ gżiritna, fejn flimkien mal-kantanti bravi li kellha magħha tawna spettaklu ta’ mużika eċċellenti. Il-kantanti mistiedna kienu Morena, Pawlu Borg Bonaci, Chris Grech, Petra Zammit u Maria Debono u kantaw siltiet mir-repertorju ta’ The Beatles, Queen, Lucio Dalla u Zucchero fost oħrajn.
Is-serata, li kienet ippreżentata minn Julia Camilleri, kienet parti mill-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet organizzati mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria fl-okkażjoni tal-125 anniversarju minn meta r-Rabat ingħata t-titlu ta’ Belt. Għas-serata kien hemm bosta personalitajiet distinti fosthom membri tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, mmexija mis-Sinkdu Dr. Samuel Azzopardi, membri parlamentari miż-żewġ naħħat tal-kamra u naturalment l-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-membri tal-kumitat ġenerali.
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lill-Bandisti tagħna, li ħadmu bis-sħiħ biex tellgħu dan il-kunċert. Irridu niftakru li dan sar kollu meta fl-istess ħin bqajna għaddejjin bis-servizzi fil-festi tal-irħula, li kif kulħadd jaf dawn ma humiex ftit. Prosit imur ukoll lil dawk li għenu fl-armar tal-palk, dawl u sound, li għamlu sigħat twal ta’ xogħol f’dawn il-jiem. Grazzi wkoll lil dawk li għenu fil-loġistika u l-promozzjoni ta’ dan l-avveniment li huwa mportanti wkoll u li ħafna drabi xogħolhom ma jkunx jidher. Lil dawk l-entitajiet li għenu lis-Soċjetà fosthom; il-Ministeru tat-Turiżmu, Il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, il-Ministeru għal Għawdex, The General Softdinks Co Ltd, Citadel Insurance, Arkadia, Distinct Homes, The Boathouse Restaurant, Silhouette, Baron Group, Econetique, Gozo Homes Real-Estate, Ġolina Supermarket, Vajrinġa Supermarket u Charles Attard. U naturlament ma jistax jonqos prosit kbir lis-Surmast Sigmund Mifsud li b’dedikazzjoni kbira mexxa dan il-kunċert, liema kunċert se jiżdied mal-kullana ta’ suċċessi tas-Soċjeta Filarmonika La Stella.
(Ritratti ta’ Joe Attard)
(Ritratti oħra)