Join Us On:

News Archive

ROCKASTRA – ANQAS MINN ĠIMGĦA ‘L BOGĦOD

RCopy of logo with words

Hekk kif ninsabu anqas minn ġimgħa ‘l bogħod mill-appuntament tant mistenni, l-preparamenti għal din l-attività mużikali għaddejjin b’rittmu qawwi ħafna. Intant is-Sibt 1 ta’ Ġunju saret konferenza stampa mill-kunsill lokali tal-Belt Victoria dwar iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria.

Fil-konferenza stampta, indirizzata mis-Sindku tar-Rabat Dr. Samuel Azzopardi, ntqal li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-mija u ħamsa u għoxrin sena minn meta r-Rabat ta’ Għawdex ġie mżejjen bit-titlu ta’ “Belt Victoria” qed jaslu fi tmiemhom fix-xahar ta’ Ġunju, bi programm ta’ attivitajiet organizzati mill-Kunsill Lokali ta’ din il-belt u li huma marbuta ma’ Jum il-Belt Victoria, li kull sena jiġi ċċelebrat fl-10 ta’ Ġunju.  Kien propju fl-1887 li r-Reġina Victoria tal-Ingilterra, b’tifkira tal-Ġublew tad-Djamanti tal-Inkurunazzjoni tagħha, għoġobha tikkonċedi li l-belt ewlenija ta’ Għawdex tingħata l-istatus uffiċjali ta’ belt u tiżżejjen bl-istess isem tagħha.

Wieħed mill-appuntamenti ċelebrattivi ppjanati huwa appuntu Rockastra li se jsir fi Pjazza Indipendenza  s-Sibt 8 ta’ Ġunju, fit-8.00pm, fejn il-Banda Ċittadina La Stella sa ttella’ l-ewwel edizzjoni tal-ispettaklu, bis-sehem ta’ bosta kantanti lokali, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud, li ftit tal-ġimgħat ilu ġie maħtur guest conductor ta’ din il-banda.

Appuntament ieħor fil-programm huwa dak tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali fejn se tkun qed tirritorna fil-belt Għawdxija, nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ġunju, din id-darba biex tieħu sehem fil-Kunċert Inawgurali tas-sittax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival, inizjattiva mużikali u artistika mill-aqwa li issa stabbiliet ruħha fuq il-kalendarju kulturali ta’ Għawdex.  F’dan il-kunċert, li ħa jinżamm fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, fit-8.00pm, l-Orkestra Filarmonika tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, Direttur Artistiku tal-Festival.

Kif ġie sostnut fil-konferenza stampa l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria qed jistieden lill-pubbliku biex jattendi għal dawn l-attivitajiet, li d-dħul għalihom hu kollu bla ħlas.