ROCKASTRA 2026 ĠEWWA T-TEATRU ASTRA
Nhar is-sibt 9 ta’ Mejju 2026 fit-8.00pm ittellgħa il-kunċert annwali RockAstra. Udjenza numeruża attendiet fit-teatru Astra għal dan il-kunċert spettakolari. Is-serata fetħet b’introduzzjoni qasira bħala warm-up minn tlett mużiċisti:- il-kantanta Denise Mercieca, il-kitarrista Wayne Camilleri u l-pjanista Jennifer Camilleri li esegwew tlett kanzunetti sakemm l-udjenza qagħdet bilqiegħda u sabet postha. Wara, il-presentatur Keane Cutajar introduċa lill-parteċipanti, fosthom il-mużiċisti tal-Banda La Stella u s-surmast direttur Mro. Dr. John Galea, il-kantanti: Ludwig Galea, Kristy Spiteri, Denise Mercieca, Karin Duff, Mark Tonna u l-kor Piccole Stelle flimkien ma’ l-għalliema/direttriċi Sylvana Attard. Ingħatat tislima xierqa lill-ex-President tas-Soċjeta’ La Stella Dolindo Cassar li kien ħalla din id-dinja ftit jiem qabel, proprju fl-1 ta’ Mejju 2026.
L-ewwel silta tal-kunċert kienet il-medley strumentali Ozzy in concert. Dan kien arranġament għall-banda ta’ Paul Murtha. Ozzy Osbourne li miet fit-22 ta’ Lulju 2025 kien kantant Ingliż u kompożitur. Kien pijunier tal-mużika magħrufa bħala heavy metal. Waqqaf il-band Black Sabbath. Din il-medley kienet tikkonsisti fil-kanzunetti Mr. Cowley, is-silta rock: No more tears, il-ballad; Mama I’m coming home u il-fast rock; Crazy train. Dritt wara smajna lil Mark Tonna jkanta Runaway. Mark Tonna mhux wiċċ ġdid fit-teatru Astra. Kien l-attur ewlieni Tevye fil-musical Fiddler on the Roof li rajnieħ fit-Teatru Astra fl-2025. Din kienet l-ewwel diska single li ir-rock band Bon Jovi irrekordjat fl-1981. Bon Jovi hija rock band Amerikana iffurmata fl-1983. Segwa Ludwig Galea bil-kanzunetta Where the streets have no name: diska tar-banda Irlandiża U2 mill-album tal-1987 li kien jismu The Joshua Tree. Il- banda U2 iddebuttat f’Dublin ġewwa l-Irlanda fl-1976. Din id-diska kienet ispirata mix-xewqa li l-kompożitur kellu għal-soċjeta’ mingħajr restrizzjonijiet u diskriminazzjonijiet kulturali u reliġjużi. Ir-raba’ kanzunetta kienet Addicted to love u ġiet interpretata mill-kantanta Kristy Spiteri. Kristy kienet qiegħda tiddebutta għall-ewwel darba fit-Teatru Astra. Din kienet kanzunetta miktuba mill-kantant Ingliż Robert Palmer u ħarġet l-ewwel darba fl-album tiegħu Riptide tal-1985. Creep li tkantat minn Denise Mercieca, kienet il-kanzunetta segwenti. Kienet miktuba mill-band Ingliża Radiohead, banda iffurmata fl-1985. Id-diska kienet ħarġet għall-ewwel darba f’Settembru tal-1992.
Il-kunċert segwa għal kanzunetti ta’ era iktar moderna:- Flowers, diska tal-2023 tal-kantanta Amerikana Miley Cyrus. Din id-diska kienet interpretata wkoll mill-kantanta Għawdxija Denise Mercieca. Pink Pony Club kienet kanzunetta oħra li smajna mill-kantanta Karin Duff. Din id-diska tal-kompożitrici Kayleigh Rose Amstutz (magħrufa bħal Chappell Roan) inkitbet fl-2019 u kellha bħala suġġett il-kisba tal-liberta’ u l-inklużjoni fis-soċjeta’. Mark Tonna kien il-kantant fis-silta li segwiet u li kellha l-isem Diavolo in Me. Din kienet diska tal-1989 mill-album Oro, incenso e birra miktuba mill-kantant Zucchero. Din il-kanzunetta titratta it-taqbida, it-tentazzjonijiet u l-kunflitti bejn it-tajjeb u l-ħażin li jaħkmu il-bniedem. Il-kor Piccole Stelle ingħaqad mal-banda La Stella fil-kanzunetta Golden. Din kienet kanzunetta tal-2025 miktuba minn Kim Eun-jae u Mark Sonnenblick għall-film animat KPop Demon Hunters li kien intwera minn Netflix. L-ewwel parti tal-programm ingħalqet bid-diska tal-band Queen, Who wants to live forever? Din is-silta indaqqet għall-memorja tas-surmast Aurelio Belli li ħalla din id-dinja fil-bidu t’April li għadda. Belli kien l-arrangatur ewlieni tal-parti l-kbira tal-mużika li ndaqqet fl-edizzjonijiet kollha tar-RockAstra mill-bidu nett fl-2013. Din il-Power ballad li tagħmel parti mill-album; A kind of Magic kienet miktuba fl-1986 għall-film Highlander. Għandha ħsibijiet profondi dwar l-imħabba, il-valur tal-ħajja f’din id-dinja u anki l-ħajja fl-eternita’. Ħadu sehem il-kantanti Denise Mercieca u Ludwig Galea.
Wara intervall qasir, smajna Coldplay on stage, medley għall-banda biss minngħajr vuċijiet, kompożizzjoni tar-rock band Ingliża Coldplay (1997-). Is-siltiet kienu Clocks, Lost! u Viva La Vida. Wara, Ludwig Galea kien il-protagonist ewlieni fil-kanzunetta Pride (In the name of love). Din kienet diska tar-rock band Ingliża U2. Inkitbet fl-1984 u tagħmel parti mill-album The Unforgettable fire. Bis-sehem tal-kantanti Mark Tonna u Kristy Spiteri, mill-musical The Phantom of the opera, smajna it-tema prinċipali li ġġib l-istess isem. The Phantom of the opera huwa musical famuż tal-kompożitur Andrew Lloyd Webber, li kitbu fl-1986. Dan il-musical kiser ir-records bħala l-iktar musical li baqa’ jintwera kulljum mill-premier tiegħu tad-9 t’Ottubru 1986. Intwera għall-ewwel darba fis-sala Her Majesty’s Theatre ġewwa Londra u għadu jintwera kulljum fl-istess teatru, sal-ġurnata tal-lum. Kien imiss Love of my life tal-band Queen. Din il-kanzunetta li ġiet kantata minn Karin Duff, kienet ballad sentimentali. Freddie Mercury ikkompona din il-silta fl-1975, u oriġinarjament kienet tifforma parti mill-album A night at the opera. Mercury kien ikkomponijha għall-maħbuba tiegħu Mary Austin.
Il-kanzunetta ta’ wara kienet Dont stop believin’. Din kienet biċċa mużika fl-istil ta’ l-Arena rock (stil ta’ rock f’saħtu miktub għal udjenzi kbar). Inkitbet u ġiet imnedija f’Ottubru ta’ 1981 mill-band Journey għall-album Escape. Fiha, ħadu sehem il-kantanti Ludwig Galea u Karin Duff. Din il-kanzunetta hija innu ta’ tama, reżiljenza u perseveranza għal minn jinsab imħasseb fuq id-diffikultajiet u l-sfidi tal-ħajja. Bark at the moon, li kienet id-diska li kien imiss, ġiet interpretata minn Mark Tonna. Il-kanzunetta, kompożizzjoni ta’ Ozzy Osbourne, kienet l-ewwel diska single mill-album ta’ l-istess isem tas-sena 1983. Il-lirika titratta l-istorja ta’ lupu feroċi li jqum mill-mewt u jitterroriżża belt sħiħa sabiex jagħmel vendikazzjoni li minn qattlu. I’m still standing ta’ Elton John kienet il-kanzunetta li segwiet. Din kienet inkitbet fl-1983 u kienet tifforma parti mill-album Too Low for Zero. Elton John kien kiteb din il-kanzunetta wara trawma li kellu f’ħajtu u l-ħsieb tiegħu kien li hu xorta kien qiegħed jirbaħ l-isfidi minkejja d-diffikultajiet kollha. Kantat din il-kanzunetta Denise Mercieca. L-aħħar silta fil-programm kienet Shut up and Dance, diska fi stil pop rock kompożizzjoni tal-band Walk the Moon mill-album tagħhom Talking is Hard tas-sena 2014. F’din il-kanzunetta ħadu sehem Kristy Spiteri u l-kor Piccole Stelle.
Kienet serata mużikali mill-aqwa b’għażla vasta ta’ stili differenti li jappellaw lill-udjenza kollha. Prosit kbir lil kull minn ħa sehem sabiex dan l-avveniment kien daqshekk suċċess. Dan il-kunċert ma’ kienx ikun possibbli minngħajr l-għajnuna ta’ diversi entitajiet bħal Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u id-Direttorat tal-Kultura fl-istess Ministeru, il-Kunsill tal-Belt Victoria, il-bank MeDirect u Elmo Insurance. Fl-aħħar nett erġajna smajna bħala encore; Don’t stop believin’ bis-sehem tal-banda u tal-kantanti kollha.
(Ritratti: Joe Attard)





























