Join Us On:

News Archive

ROCKASTRA 2023 – SUĊĊESS KBIR ĠEWWA T-TEATRU ASTRA

Nhar is-Sibt li għadda inżammet it-tmien edizzjoni ta’ RockAstra, din id-darba ġewwa t-Teatru Astra, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria. Il-kunċert bħas soltu offra spettaklu ta’ mużika, dwal u ‘projections’ mill-isbaħ. Il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella għal darba oħra ħarġet bl-unuri kollha, grazzi għal ħafna sagrifiċċji u xogħol volontarju li sar matul il-ġimgħat ta’ qabel.

Il-Banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea, li mexxa wkoll il-kunċerti preparatorji fil-ġimgħat ta’ qabel. Il-kantanti mistiedna għal din is-sena kienu Ozzy Lino, Gianluca Bezzina, Ben Purple u Michela Pace, bis-sehem tal-Kor Piccole Stelle tat-Teatru Astra, li kien taħt id-direzzjoni ta’ Sylvana Attard. Kienet mistiedna wkoll Cheryl Balzan li minħabba ċirkustanzi mhux fil-kontroll tagħha ma kienx possibli li tattendi għall-kunċert.

Matul is-serata ndaqqu siltiet sbieħ ħafna u movimentati tant li l-udjenza ipparteċipat bis-sħiħ b’ċapċip kontinwu. Bl-eċċezzjoni ta’ Michela, għall-kantanti kollha kien id-debutt tagħhom f’RockAstra. Waqt il-kunċert indaqq għall-ewwel darba arranġament għall-banda tal-kanzunetta “Sabiħa” kantata minn Gianluca Bezzina. Is-serata kienet waħda speċjali għal Michela, li kif iddeskriviha l-preżentatur mistieden, Owen Bonnici, kienet qegħda ‘home’ fost ċapċip kbir tal-udjenza.

Prosit tassew lil dawk kollha nvoluti biex sar spettaklu bħal dan; il-kantanti, il-kor, il-bandisti, membri tar-rhythmic section, is-surmast direttur, il-kumitat u tant nies oħra li ħadmu bla heda minn wara l-kwinti. Grazzi wkoll imur lill-Kunsill tal-Belt Victoria u s-Segretarjat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

(Ritratti: Joe Attard)