ROCKASTRA 2015 – SUĊĊESS MEMORABBLI
Nhar il-Ġimgħa filgħaxija l-Belt Victoria assistiet għal dak li ħafna stqarru kien wieħed mill-aqwa kunċerti li qatt saru mill-Banda Ċittadina La Stella. Xhieda ta’ dan kienet il-folla ta’nies li litteralment ippakkjat kull kantuniera ġo Triq ir-Repubblika kif juru sew ir-ritratti.
Il-kunċert RockAstra offra mużika stil Rock eċċellenti b’kantanti ta’ fama nazzjonali bħal Ludwig Galea, Gloriana u Mikaela. Is-serata inkludiet ukoll spettaklu ta’ grafika fuq mega screens u show tad-dwal. Il-preżentazzjoni tas-serata kienet fdata f’idejn John Bundy, personalità popolari fuq it-televiżjoni lokali.
Minn din il-paġna nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li ħadu sehem u ħadmu biex sar dan is-suċċess kbir. L-ewwel nett grazzi lill-bandisti tagħna li b’dedikazzjoni attendew għall-kunċerti preparatorji biex jassiguraw l-aqwa livell mużikali. Grazzi wkoll lill- kumitat ċentrali u dawk li ħadu ħsieb il-loġistika, armar, reklamar, public relations u l-fotografi. Prosit kbir imur ukoll lill-kor tagħna Piccole Stelle taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai, liema kor ġibed is-simpatija u l-ammirazzjoni ta’ kulħadd. Mariella kienet ukoll il-pjanista matul il-kunċert. Grazzi lill-isponsors li mingħajr s-sapport tagħhom ma jkunx possibbli nagħmlu spettaklu bħal dan. Fl-aħħar imma mhux l-anqas “grazzi” imur lis-Surmast Sigmund Mifsud għad-dedikazzjoni, direzzjoni u l-impenn kostanti tiegħu biex dan il-kunċert sar dak li hu – il-kunċert prinċipali t’Għawdex tal-ġeneru tiegħu.
Naturalment l-impenji tal-Banda La Stella m’ humiex RockAstra biss ! Illejla stess inkomplu bis-servizzi tagħna, din id-darba fir-raħal tal-Għasri għall-festa tas-Salvatur fejn se nakkumpanjaw il-purċissjoni b’marċi reliġjużi. Il-weekend li ġej imbagħad aktar impenji fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesu fil-Fontana. Dwar dan naġġornawkom aktar ‘il quddiem.
(Ritratti: Joe Attard)